Francis Zammit Dimech qed iservi rapporteur f’isem il-Grupp PPE fuq dan is-suġġett
Madwar id-dinja għad hawn prattiċi li ma jirrispettawx lin-nisa u d-drittijiet tagħhom fosthom insibu dak fejn nisa jew aħjar tfajliet taħt l-età jiġu mġiegħla jiżżewġu, prattika li hi kkunsidrata bħala forma ta’ vjolenza kontra n-nisa. Fost il-konsegwenzi ta’ dawn il-prattiċi, wieħed isib rati għoljin ta’ mwiet fost l-ommijiet żgħar filwaqt li l-istess tfajliet jiġu wkoll mċaħda mill-edukazzjoni.
Bħala membru tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qed iservi bħala r-rapporteur tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fuq strateġija tal-Unjoni Ewropea kontra ż-żwiġijiet bikrija u sfurzati.
Fil-Jum Internazzjonali dedikat lin-Nisa, Francis Zammit Dimech spjega li l-Unjoni Ewropea għandha obbligu li fejn jidħol il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, tilgħab rwol ukoll fuq livell internazzjonali. “Permezz ta’ riżoluzzjoni, qed inħeġġu lill-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-politika barranija tagħha u l-politika tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex toffri patt strateġiku lil sħabha u titlob għal dan il-għan il-projbizzjoni taż-żwieġ sfurzat mill-pajjiżi kollha sħab tagħha. Qed nitolbu wkoll lill-membri stati biex jaħdmu mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi biex jipprovdu taħriġ u assitenza teknika fl-addozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tiprojbixxi żwiġijiet sfurzati,” sostna Zammit Dimech. Hu saħaq li biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra prattiċi bħaż-żwiġijiet bikrija, huma kruċjali l-edukazzjoni u l-appoġġ soċjali, flimkien ma’ opportunitajiet oħra.
Zammit Dimech qal li filwaqt li jawgura l-Jum il-Mara lin-nisa kollha, m’għandux ikun dan il-jum biss li fih niftakru fid-drittijiet tan-nisa.
//= $special ?>