Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Jum il-Mara għandu jkun ċelebrazzjoni tad-drittijiet umani universali li huma fundamentali għall-parteċipazzjoni sħiħa u ħielsa tan-nisa fil-ħajja soċjali, politika u ekonomika ta’ Malta.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, li ġie ċċelebrat ilbieraħ, il-President qalet li hemm bżonn aktar ħidma biex tkun indirizzata l-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel li qed jagħmlu l-istess kwalità ta’ xogħol. Hija saħqet li dawn id-diskrepanzi huma inaċċettabbli u li għandhom effetti negattivi fuq livell nazzjonali, liema effetti jħallu effetti tul il-ħajja tan-nisa.
F’dan l-isfond soċjali, il-President tenniet li hemm bżonn li tingħaraf l-urġenza li n-nisa jkunu mudell viżibbli fis-soċjetà Maltija biex iħajru lill-bniet u lin-nisa żgħażagħ jersqu ‘l quddiem biex jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-ħajja. Hija qalet li jekk ikun hemm in-nisa f’pożizzjonijiet ta’ awtorità u ta’ tmexxija tista’ tinbidel il-perċezzjoni pubblika u tinħoloq aktar kuxjenza dwar min jista’ jmexxi u l-kwalitajiet li huma importanti fir-rwoli tat-tmexxija effettiva.
Saħet li n-nuqqas tar-rappreżentanza femminili fit-tmexxija qed ikollha effetti negattivi.
Hija ddeskriviet it-8 ta’ Marzu bħala l-mument ta’ ċelebrazzjoni tal-kontribut mill-aqwa li jagħtu n-nisa ta’ kuljum fil-komunitajiet u fis-soċjetà tagħna. Fl-okkażjoni ta’ dan il-jum hija nkoraġġixiet lin-nisa kollha biex jersqu ‘l quddiem u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bil-għan li jkunu huma stess li jdawlu l-mod ta’ kif ikunu indirizzati l-isfidi tal-inugwaljanzi.
//= $special ?>