Wara li fl-Italja rebħet il-koalizzjoni ta’ Matteo Salvini, l-istess partit li qal li Malta mhux se tibqa’ ssib l-għajnuna tal-Italja fl-immigrazzjoni illegali – NET News ħa l-kumment taċ-Chairman tal-familja politika Ewropea tal-Partit Nazzjonalista, Manfred Weber, fejn stqarr li dawn il-kummenti ma jagħmlux sens – għaliex il-problema tal-immigrazzjoni illegali hi problema tal-Unjoni Ewropea kollha u mhux Malta biss.
“Il-problema tal-immigrazzjoni illegali ma hijiex problema ta’ Malta biss, iżda hi problema li trid tinġarr u tinqasam mal-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea”, kliem iċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber.
Waqt laqgħa mal-ġurnalisti f’Valencia fi Spanja, NET News staqsa dwar l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-Partit rebbieħ tal-elezzjoni ġenerali fl-Italja, dik li Malta mhux se tibqa’ ssib l-għajnuna mill-Gvern Taljan dwar l-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran, u li se jibdew jintbagħtu aktar immigranti illegali lejn pajjiżna.
Iċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber qal li l-kumment li għaddew il-mexxejja tal-Partit rebbieħ fl-Italja ma jagħmilx sens, u ma jirriflettix il-politika tal-Partit Popolari Ewropew – hekk kif battibekki bejn l-istati membri ma jwasslu imkien, għaliex l-iskop tal-Unjoni Ewropea hu li l-problemi bħal dawn jinqasmu bejn il-pajjiżi, u mhux il-pajjiżi jitħallew isolvu l-problemi tagħhom għal rashom. Stqarr li rridu nsolvu l-problema flimkien bħala Unjoni, inkella nispiċċaw fi kriżi akbar minn dik li kienet il-kriżi ekonomika.
Manfred Weber stqarr ma’ NET News, li s-soluzzjoni hi li l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ il-kontroll fil-fruntieri tagħha biex tgħin pajjiżi bħal Malta. Bħala Partit Popolari Ewropew, il-partit Ewropew li minnu jifforma parti l-Partit Nazzjonalista, Manfred Weber qal li propona li jiżdiedu l-uffiċjali fil-Frontex li jikkontrollaw il-fruntiera Ewropea minn 1,500 għal 10,000 persuna. B’hekk, l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tikkontrolla aħjar iż-żoni li jużaw l-aktar il-kuntrabandisti.
Tenna, li hemm bżonn li ċ-ċittadini Ewropej jifhmu l-preżenza tal-Unjoni Ewropea li qegħda hemm biex tgħinhom. Manfred Weber qal li n-nies iridu jaraw b’għajnejhom il-bandiera Ewropea u l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jkunu qegħdin jikkontrollaw l-ibħra. B’hekk in-nies jkunu jistgħu jifhmu li aħna komunita’ li qed naħdmu flimkien, biex insolvu l-problemi flimkien.
NET News bħalissa qed isegwi sensiela ta’ laqgħat f’Valencia fi Spanja, dwar l-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea li għaliha attenda l-President tal-Parlament Antonio Tajani, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, iċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Webber, flimkien ma’ numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej oħra. Ukoll mistednin f’din is-sensiela ta’ laqgħet hawn grupp mill-Universita’ ta’ Malta li għamlu eżebizzjoni bil-kontribut tagħhom bi proġett fid-dinja diġitali, fejn ġie deskritt mill-PPE bħala wieħed mill-aktar proġetti innovattivi mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>