Internazzjonali

Miet il-pjanist Kanadiż ta’ Youtube

Tħabbret il-mewt ta’ Ryan Arcand, raġel li għadda minn ħajja mimlija tbatija u kien jgħix fit-toroq ta’ Edmonton fil-Kanada. Imma hu fl-2014 kien seraq qalb kulħadd meta kien tpoġġa filmat tiegħu jdoqq il-pjanu b’kapaċità kbira.

Talent kbir li kellu imma li qatt ma seta’ jisfrutta minħabba d-diversi problemi li kellu tul il-ħajja qasira tiegħu.

Hu miet f’età ta’ 46 sena wara snin ibati mill-problema tax-xorb, ta’ saħħa mentali u għajxien fit-toroq.
Il-filmat tiegħu fl-2014 jdoqq il-pjanu kien inġibed minn Roslyn Polard. Filmat li mbagħad kiseb popolarità kbira fuq l-Internet u kienu rawh aktar minn 11-il miljun persuna.

Arcand kien membru tat-tribù Alexander First Nation minn Alberta u ta’ tlett snin kien ingħata lill-awtoritajiet flimkien ma’ ħuh ta’ erba’ snin biex jitrabba mill-awtoritarjiet. Hu kien tgħallem idoqq bil-widna billi jisma’ l-mużika tal-films fuq it-televiżjoni u aktar tard tgħallem jikteb il-mużika.

Infatti l-mużika li kien qed idoqq fil-filmat li kien tpoġġa fuq Youtube kienet kitba tiegħu stess. Imma ta’ 13-il sena kien ħarab u mar Edmonton fejn beda jgħix fit-toroq u qabad il-vizzju tax-xorb.

Polard kienet użat il-flus li kisbet mill-filmat biex tgħinu imma Arcand sabha diffiċli jegħleb ċerti problemi u ma setax jegħleb il-vizzju tax-xorb. F’intervista kien stqarr li l-mużika kienet ħolma li ma kenitx se titwettaq.