Lokali

Mixja f’Jum il-Mara fil-Belt Valletta

Semma’ leħnek – magħqudin kontra l-vjolenza fuq in-nisa. Dan kien il-messaġġ ewlieni mill-Moviment Graffiti, f’mixja f’Jum il-Mara fil-Belt Valletta.

B’tixjir ta’ bnadar u banners l-enfasi kienet fuq id-diffikultajiet li n-nisa Maltin qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Intqal infatti permezz ta’ stqarrija mill-istess Moviment li bħalissa s-soċjetà Maltija qed tħabbat wiċċha ma’ bosta abbużi fosthom fuq ix-xogħol u kif ukoll fuq il-ġeneru, dan b’mod speċjali fuq in-nisa.

Fl-istess stqarrija ntqal li fl-Ewropa 1 minn kull 3 nisa jesperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali. F’Malta fl-aħħar 10 snin 15-il mara nqatlu mis-sieħeb jew ex-sieħba tagħhom. Din hija statistika nkwetanti u għalhekk hemm il-ħtieġa li tkompli l-ħidma biex titnaqqas aktar l-istigma negattiva fuq in-nisa.

Il-Moviment qal li jeħtieġ li l-ġenerazzjoni futura tikber f’Malta aħjar. Malta li tħares lejn il-valuri tar-rispett u li ma tittollerax abbużi.

Din l-inizjattiva ġiet organizzata bi sħab ukoll ma’ bosta għaqdiet u kif ukoll unions tal-ħaddiema.