Internazzjonali

Mumenti ta’ paniku matul il-lejl fi Vjenna

Il-Pulizija Awstrijaka arrestat lil suspettat ta’ 23 sena b’konnessjoni ma’ attakki li saru fuq persuni fit-toroq ta’ Vienna matul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis u li twettqu minn aggressur armat b’sikkina.

Kelliema għall-Pulizija qalu, fi stqarrija, li r-raġel issuspettat inżamm mill-awtoritajiet ftit wara li raġel ta’ 20 sena kien iddaħħal l-isptar, wara li qala’ diversi daqqiet bi strument li jaqta’. Dan ir-raġel instab li kien f’periklu li jitlef ħajtu b’riżultat tal-attakk.
Intant, il-pulizija għadha qed tinvestiga jekk is-suspettat li qed jinżamm taħt arrest kienx ukoll responsabbli għal attakk simili fuq familja ta’ tlieta li wkoll spiċċaw jaqilgħu daqqiet ta’ sikkina fil-qalba ta’ Vienna. Qed ikun allegat li dan l-attakk kien seħħ ‘xi siegħa qabel’ spiċċa aggredit iż-żgħażugħ ta’ 20 sena.
It-tliet vittmi tal-attakk – missier ta’ 67 sena, l-omm ta’ 56 sena u binthom ta’ 17-il sena – kollha ġarrbu feriti gravi ħafna f’dan l-attakk u kienu qed jinżammu l-isptar skont l-aħħar rapporti mill-kapitali Awstrijaka. Il-Pulizija, kienet għaddejja bl-investigazzjonijiet u ma żvelatx dettalji speċifiċi dwar l-identità tas-suspettat.