Lokali

RITRATTI: “Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur” – Adrian Delia jilqa’ liż-żgħażagħ fid-Dar Ċentrali

Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur, u jridu jagħmlu mezz li mhux biss jgħinu lill-bidla iżda jkunu huma stess il-bidla. Dan kien il-kliem tal-Kap tal-PN Adrian Delia li laqgħa liż-żgħażagħ fid-Dar Ċentrali.

Il-Kap tal-Partit qal li l-Vot 16 m’għandux ikun biss l-ewwel pass iżda għandu jiftaħ it-triq għal aktar kisbiet. Iż-żgħażagħ għandhom jesprimu ruħhom b’mod ċar fejn m’għandhom jibżgħu jibżgħu jgħidu iva fejn jaqblu u le fejn ma jaqblux.

Adrian Delia qal li ż-żgħażagħ mhux biss għandhom jitkellmu fuq dan il-vot imma għandhom jiddiskutu wkoll il-politika ta’ pajjiżna, fost l-oħrajn, l-ambjent, l-enerġija, l-edukazzjoni, is-saħħa u kull settur ieħor li hu għal qalb il-Maltin.

Huwa stqarr li l-PN se jibqa’ jaħdem biex permezz tal-mezzi kollha jilħaq liż-żgħażagħ. Il-Kap tal-PN qal li jrid li jkun hemm ideat ġodda, li jbiddlu l-perspettiva fejn hemm bżonn bl-għan li jqarrbu l-pajjiż lejn is-sewwa.

Iżda għall-maġġor parti tal-laqgħa, kienu ż-żgħażagħ preżenti li mexxew id-diskussjoni fuq bosta punti li mhux biss jikkonċernaw lilhom bħala żgħażagħ iżda dak kollu li jikkonċerna lil pajjiż.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN għall-affarjiet fil-Parlament David Agius, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-kelliem responsabbli għaż-żgħażagħ Ryan Callus u kif ukoll il-President tal-MŻPN Joseph Grech flimkien ma’ membri oħra tal-Eżekuttiv.