Sena ilu, propju għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu tal-Erbgħa 8 ta’ Marzu, it-Tieqa tad-Dwejra iġġarrfet kompletament f’kollass li beda mill-kolonna tat-tieqa u li qered waħda mill-aktar ikoni sinonimi mal-gżejjer Maltin.
L-għada ta’ din ix-xena, Raniero Borg u 2 bugħaddasa oħra, kienu l-ewwel għaddasa li niżlu fil-baħar tad-Dwejra biswit it-tieqa u din kienet ix-xena li sabu:
Meta morna fuq il-post, qatt ma ppretedejna li nsibu dak il-ġebel hekk kbir u ajbad hekk. L-ammont ta’ ġebel li tkisser ukoll kien kbir għaliex l-isfrundar tat-Tieqa tad-Dwejra kienet xi ħaġa kbira.”
Sena wara, propju nhar is-Sibt li għadda, Raniero reġa’ nieżel fuq il-post biex jara kif żviluppa l-blat u l-veġitazzjoni taħt il-baħar. Huwa tkellem b’mod esklussiv ma’ NET News fuq is-sejbiet li sabu:
“Għeluq is-sena mit-tiġrif, ġietna l-kurżità biex nerġgħu mmorru fuq il-post peress li konna aħna li morna hemm l-ewwel. Il-qiegħ tal-blat sa 25 metru diġà beda jifforma bil-ħaxix fuqu filwaqt li minn25 metru ‘l isfel fil-fond, il-blat għadu bajdani.”
Huwa qalilna kif bit-tiġrif, issa żdied l-iskariġġ biex wieħed jasal sal-post hekk kif wieħed ikolli joħroġ mill-bajja l-magħluqa, jogħdos mill-għar u jiżbokka minn wara t-tieqa.
Borg temm jisħaq fuq l-importanza li l-għaddasa javviċinaw il-post b’kawtela liema bħalha:
“Jekk wieħed jgħum fil-wiċċ, m’hemmx periklu għax it-Tieqa waqgħet. L-għaddassa li jinżlu dawk il-25 metru jsibu qisu għar jew daħla u jittantaw jidħlu fiha. Peress li l-blat, kif wieħed jista’ jara fil-filmat, għadu qed jitkisser, jien nappella lill-għaddasa biex joqgħodu attenti u ma jidluħx taħt il-blat għaliex għadu ma qgħadx. Għadna rridu nistennew maltempata oħra kbira kif kienet dakinhar li waqgħet id-Dwejra u jerġa’ jitbiddel il-qiegħ tiegħu.”
//= $special ?>