Lokali

AĠĠORNATA: Kunsillieri Laburisti u indipendenti jfixklu l-laqgħa biex ma jinħatarx Sindku ġdid

Aktar xkiel fil-ħidma tal-Kunsill ta' San Pawl minkejja r-rieda ċara tal-elettorat fl-aħħar elezzjoni

Il-Kunsillieri Laburisti u indipendenti tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħarġu ‘l barra minn laqgħa tal-Kunsill Lokali li matulha kellu jiġi elett Sindku ġdid għal din il-lokalità.

Is-Sindku ġdid kellu jiġi elett wara direttiva ċara u bil-miktub mid-Direttur tal-Kunsilli Lokali u mill-Ministru Owen Bonnici biex jinħatar Sindku skont il-liġi. Il-liġi tgħid li fl-eventwalità ta’ riżenja ta’ Sindku, għandu jinħatar it-tieni l-aktar persuna mill-istess partit li tkun ġabet voti.

Id-direttiva kienet ingħatat wara li l-Partit Nazzjonalista, permezz tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, kien ressaq mandat ta’ inibizzjoni u aktar tard rikors biex iwaqqaf lill-Gvern u lill-Partit Laburista milli jaħtfu f’idejhom il-Kunsill Lokali wara r-riżenja tal-eks Sindku Graziella Galea fl-10 ta’ Jannar li għadda. Dan hekk kif il-Partit Laburista ried ipoġġi Sindku Laburista, kontra kull intenzjoni tal-elettorat fl-aħħar elezzjoni.

Imma l-laqgħa li fiha kellu jkun elett Sindku ġdid, spiċċat daret f’laqgħa mimlija tfixkil, bil-Kunsillieri Laburisti u dawk indipendenti jqajmu sensiela ta’ point of orders bl-iskop li jtellfu l-laqgħa milli ssir kif suppost.

Sa minn kmieni, il-Kunsillieri Laburisti urew li kienu se jagħmlu minn kollox biex ifixklu l-laqgħa. Dan hekk kif malli kien sar il-ħin biex tibda l-laqgħa, huma baqgħu isfel u ma telgħux għal-laqgħa. Kien biss meta l-camera ta’ NET News marret biex tiffilmjahom li l-Kunsillieri Laburisti telgħu għal-laqgħa.

Malli bdiet il-laqgħa, mill-ewwel bdew iqumu sensiela ta’ point of orders, bl-iskop li l-laqgħa tkun imfixkla. Fost il-kwistjonijiet li tqajmu kien hemm jekk il-laqgħa kinitx qed issir b’mod validu peress li hemm kawża l-Qorti.

Apparti l-point of orders li bdew jitqajmu bl-iskop li tkun imfixkla l-laqgħa, kien hemm ukoll perjodu twil ta’ sospensjoni tal-laqgħa wara li l-Aġent Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill qalet li riedet titlob parir tal-Avukat tagħha jekk kelliex tibqa’ tattendi l-laqgħa. Minħabba f’dan it-tfixkil anke min-naħa tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv, il-laqgħa spiċċat kellha tiġi sospiża għal ħin twil.

Lejn tmiem il-laqgħa, kien il-Minority Leader Laburista Alfred Grima li għamel dikjarazzjoni u li fiha ta struzzjoni lill-Kunsillieri Laburisti u indipendenti biex joħorġu ‘l barra mil-laqgħa, tant li malli ħarġu mil-laqgħa, ma kienx fadal kworum u l-laqgħa kellha tispiċċa.

Dan it-tfixkil ikompli jikkonferma l-intenzjoni tal-Partit Laburista li jaħtaf il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar f’idejh, b’nuqqas ta’ qbil anke bejn il-Ministru Laburista Owen Bonnici stess u l-Kunsilliera Laburisti u indipendenti ta’ San Pawl il-Baħar.

Illejla mistennija jinħatru Sindku u Viċi Sindku ġodda fil-Kunsill ta’ San Pawl