Lokali

Bżonn ta’ iktar karozzi tal-linja għall-istudenti tal-Higher

Problema li jaffaċjaw l-istudenti tal-Higher u l-MCAST ta’ kuljum hija biex jivvjaġġaw kull filgħodu u filgħaxija b’tal-linja.

Uħud mill-istudenti jieħdu saħansitra sagħtejn biex jasslu. Dan hekk kif dawk li joqgħodu fin-naħa t’isfel ta’ Malta jkollhom l-ewwel jidħlu l-Belt, fejn minn hemmhekk jaqbdu l-unika karozza tal-linja possibli li tieħodhom l-Higher.

Fi tmiem il-lezzjonijiet ta’ kull ġurnata, il-maġġoranza tal-istudenti jkollhom jieħdu l-istess ħin biex jaslu lura d-dar. Oħrajn ikollhom li jimxu sal-pjazza tan-Naxxar iżda dan huwa ta’ inkonvinjent għalihom.

Rappreżentat għall-istudenti tal-Higher, Thomas De Martino tkellem ma’ Net News. Hu qal li “bħalissa l-iskola għandna problema kbira ta’ trasport pubbliku. Dan hekk kif it-trasport pubbliku li jiġi offrut lill-iskola mhux suffiċjenti għall-istudenti. Għalhekk bħala kunsill tal-istudenti qed nagħmlu dak kollu li nistgħu ħalli nimbuttaw quddiem l-awtoritijiet din il-problema biex tiġi riżolta.”

Il-Kunsill għall-istudenti tal-Higher qed jipproponu li l-unika karozza tal-linja li tmur għal Belt, in-numru 43 issir iktar spissa b’mod speċjali fil-ħinijiet meta l-istudenti jidħlu u joħorġu mill-iskola. Dan hekk kif din l-istess karozza tal-linja qiegħda kull siegħa biss.

Il-Kunsill jinsab f’ħidma biex itejbu t-trasport pubbliku għall-istudenti. Thomas qal ma’ Net News li “s’issa qed niġbru l-informazzjoni minn qalb l-istudenti. Qed inħejju rapport u għamilna petizzjoni ħalli titressaq flimkien mar-rapport.”

L-istudenti tal-Higher qed jittamaw li l-awtoritajiet jisimgħu t-talba tagħhom. Dan hekk kif “għadu ma sar xejn.”

Din il-problema qed tiġi iffaċjata minn madwar 1,400 studenti li jattendu l-Higher. Proposta oħra li qed issir hija li ssir karozza tal-linja diretta biex tkun ta’ konvinjent għall-istudenti. Kien propost ukoll li l-karozza tal-linja taqdi mhux biss lill-istudenti tal-Higher u ta’ skejjel oħra fil-viċinanza iżda wkoll lil dawk li jkunu sejrin l-isptar.