Lokali

FILMAT: Il-Kamra tal-Avukati trid li tiġi applikata l-liġi kif suppost

Is-sentenzi tal-Qorti tneħħew mill-website wara li nkixef il-każ

Aġġornata

B’kuntlarju għal dak li prova jimplika l-Ministru Owen Bonnici, il-Kamra tal-Avukati m’għandha l-ebda tilwima – iżda trid biss li tiġi applikata l-liġi kif suppost.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler kien qed jirreaġixxi għal kummenti li għamel il-Ministru Owen Bonnici dwar il-każ taż-żewġ gradwati li kienu se jingħataw il-warrant ta’ avukati minkejja li nstabu ħatja ta’ serq u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Dan hekk kif, f’kummenti ma’ NET News, Owen Bonnici irriduċja l-kwistjoni għal sempliċi nuqqas ta’ qbil bejn il-Kamra tal-Avukati u l-Imħallfin li għamlu l-eżami tal-warrant liż-żewġ studenti inkwistjoni.

“Jiena nawgura li bid-djalogu bejn il-partijiet kollha involuti nkunu nistgħu nsibu riżoluzzjoni amikevoli għal din is-soluzzjoni”, qal Owen Bonnici ma’ NET News.

Imma mistoqsi dwar din id-dikjarazzjoni, il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li biex tinstab soluzzjoni amikevoli, irid ikun hemm tilwima. “Aħna m’għandna l-ebda tilwima”, qal Hyzler, waqt li żied li l-Kamra tal-Avukati trid biss li tiġi applikata l-liġi kif suppost.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, George Hyzler kkonferma li s-sentenzi tal-Qorti dwar dawn iż-żewġ persuni tneħħew minn fuq il-website tal-Qorti wara li l-Kamra tal-Avukati bagħtet ittri u tkellmet mal-awtoritajiet, fosthom mal-Ministru Owen Bonnici, biex tilmenta dwar il-mod kif dawn iż-żewġ studenti kienu se jingħataw il-warrant minkejja r-reati kriminali li tagħhom kienu nstabu ħatja.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati spjega li għalkemm il-kondotta tista’ titnaddaf wara ammont ta’ żmien, dan ma jfissirx li r-reat qatt ma kien sar.

Madanakollu, iż-żewġ gradwati tal-liġi sarilhom l-eżami tal-orali tal-warrant xorta waħda minn numru ta’ Imħallfin… peress li l-kondotta, teknikament fuqha ma kellha xejn.

“X’qegħdin jgħidu l-Imħallfin f’każ bħal dan? Li xi ħadd li hu akkużat b’serq u falsifikazzjoni ta’ dokumenti u li jammetti l-akkużi, jissodisfa l-kriterja ta’ kondotta tajba? Dan li qed jipprovaw jgħidu l-Imħallfin?” staqsa George Hyzler.

Hyzler iddikjara bħala “irrelevanti” l-argument li ż-żewġ gradwati tħallew jagħmlu l-warrant peress li l-kondotta hija nadifa, għax fl-aħħar mill-aħħar, ir-reat sar. “Dan kien żball. Messu ġie rikonoxxut li kien żball u konna nieqfu hemm. Imma minflok ngħidu li sar żabll, qed nipprovaw ngħaddsu rasna u nibqgħu niġġustifikaw l-iżball,” żied.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li l-‘warrant’ huwa ċertifikat li l-istat jagħti biex in-nies ikollhom il-garanzija li l-persuna konċernata hija persuna affidabbli, u għaldaqstant, m’għandu jsir xejn li jnaqqas mill-fiduċja tan-nies fil-professjoni legali.

George Hyzler qal li malli l-Kamra tal-Avukati saret taf f’dan il-każ, minnufih ġie nfurmat il-Prim Imħallef b’kopji tas-sentenzi tal-Qorti. Żied jgħid li hu mifhum li għaldaqstant, l-Imħallfin li għamlu l-eżami tal-orali tal-warrant kienu jafu b’dawn is-sentenzi, u għaldaqstant ma kellhomx jiffirmaw li dawn l-istudenti huma ta’ kondotta tajba. Hu temm jgħid li l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca m’għandiex toħroġ il-warrant ta’ dawn il-gradwati ladarba issa l-każ sar magħruf.