Il-konfront bejn Valletta u Hibernians fl-aħħar snin dejjem kien fi sfida għar-rebħ tal-kampjonat iżda din id-darba ix-xenarju hu differenti hekk kif Hibernians qed jissieltu biex jippruvaw jirbħu post fl-Ewropa staġun ieħor. Minkejja dan, iż-żewġ timijiet jinsabu fil-bżonn bilfors ta’ rebħa biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.
Valletta jinsabu fit-tieni post punt taħt Balzan filwaqt li Hibernians jinsabu fis-sitt post, punt taħt Floriana u tliet punti taħt Gżira United li qegħdin ir-raba’, post li xorta jista’ ma jkunx biżżejjed biex jilagħbu fl-Europa League staġun ieħor.
Dan il-fatt jafuh tajjeb iż-żewġ kowċis li huma konxji li rebħa biss tissodisfahom. Il-kowċ Belti Danilo Doncic qal li l-fatt li Hibernians kellhom bidla fit-tmexxija teknika se tkun motivazzjoni kbira għalihom iżda huma jinsabu lesti għal dan il-konfront.
Il-kowċ ta’ Hibernians Mario Muscat fakkar fil-ħidma kbira li għamlu l-kowċis Mark Miller u Josef Mansueto iżda saħaq li sfortunatament meta ma jiġux riżultati l-kowċ l-ewwel li jkun responsabbli. Muscat li se jkun assistit mill-Head Coach tan-Nursery Neil Zarb Cousin u l-kowċ tal-Minors Eric Lia, qal li ħafna qed jaħsbu li huma barra mit-taqtigħa għal post fl-Europa League, iżda qal li jemmen fit-tim u se jibqgħu jissieltu sal-aħħar.
Mistoqsi dwar id-diffikultà li għandhom biex jiskorjaw, Doncic qal li hu fatt li qed joħolqu ħafna u ftit qed jiskorjaw iżda jemmen li f’xi ħin jew ieħor il-plejers se jkunu qed jikkombinaw tajjeb.
Fatt ukoll li Mario Muscat ftit kellu ċans biex jaħdem mal-iskwadra għal partita importanti. Hu qal li mhux faċli biex wieħed ibiddel iżda ma eskludix li se jagħmel xi bidliet.
Minkejja r-rivalità li hemm bejn iż-żewġ timijiet, hemm ħbiberija assoluta bejn iż-żewġ kowċis li lagħbu kontra xulxin diversi drabi, Doncic bħala attakkant u Muscat bħala gowlkipers. Fl-ewwel rawnd iż-żewġ timijiet kienu spiċċaw fi draw ta’ 0-0 meta dakinhar kien hemm fit-tmexxija teknika Zoran Popovic u Mark Miller.
//= $special ?>