Lokali

AĠĠORNATA: Għamel il-bżonnijiet tiegħu għal fuq uffiċjal tal-Pulizija

Raġel mill-Mali arrestat f'Ħaż-Żebbuġ

Raġel mill-Mali ġie arrestat minn Pulizija wara li nqabad f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ fejn allegatament daħal biex jisraq.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9am fejn f’dak il-ħin instab bieb ta’ garaxx sgassat.

Kif il-Pulizija daħlu fid-dar, fi Triq il-Ħlas, semgħu ħsejjes minn fuq il-bejt u nnotaw li hemm raġel. Fil-post fi ftit minuti waslu tliet vetturi tar-Rapid Intervention Unit, bil-pulizija jordnaw lill-barrani jinżel minn fuq il-bejt.

F’dan il-ħin, ir-raġel għamel il-bżonnijiet naturali tiegħu għal fuq il-Pulizija, iżda skont stqarrija mid-Depot, l-uffiċjal tal-Korp ma ntlaqatx.

Ir-raġel mill-Mali ttieħed l-għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żebbuġ għal aktar stħarriġ.

Intant, f’kummenti li għadda lill-media, l-Ispettur Sandro Camilleri qal illi dan hu każ ieħor illi juri kemm il-Pulizija qed jispiċċaw vittmi ta’ attakki (fuq livelli differenti) kważi kuljum. L-Ispettur Camilleri qed jinsisti li meta jkun hemm attakk fuq uffiċjal tal-Pulizija, tingħata mal-ewwel sentenza ta’ priġunerija.