L-eks Uffiċjal tal-Financial Intelligence Analysis Unit Jonathan Ferris, ilu erba’ xhur mingħajr risposta għat-talba tiegħu biex jingħata l-protezzjoni ta’ Whistleblower. Fi Protest Ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru, il-Ministru tal-Ġustizzja, l-Avukat Ġenerali u Philip Massa li hu l-uffiċjal inkarigat mill-External Whistleblower Unit, Jonathan Ferris informahom formalment li l-pożizzjoni tagħhom hi bi ksur sfaċċat tal-Liġi tal-Whistleblowers.
Jonathan Ferris kien tkeċċa mill-FIAU ftit wara l-elezzjoni f’Ġunju li għadda u ftit wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien ikkummenta li r-rapporti tal-FIAU dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu miktuba biex jiġu leaked. Dwar dan, Ferris fetaħ proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali fejn l-Avukat Ġenerali qed jinsisti li dawn il-proċeduri jsiru fil-magħluq.
Fil-protest ġudizzjarju, Jonathan Ferris jelenka l-proċess li bih il-Gvern qed ikaxkar saqajh sabiex jingħata l-protezzjoni ta’ Whistleblower. F’Diċembru, hu kien iltaqa’ mal-Whistleblower Officer tal-Ministeru tal-Finanzi. Dan wieġbu li bħala eks impjegat tal-FIAU, il-każ m’huwiex ta’ idejh.
Sussegwentement hu ltaqa’ mal-Whistleblower Officer fil-Ministeru tal-Ġustizzja Godwin Pulis. Pulis qal lil Ferris li minħabba li m’għadux impjegat tas-servizz pubbliku, allura dan għandu jagħmel dik li tissejjaħ external disclosure.
Matul Diċembru u ta’ Jannar inkitbu diversi ittri lil Godwin Pulis sabiex jindika lil min għandu jindirizza din it-talba. Finalment, wara 6 ittri u reminders, Pulis qal li din it-talba trid tiġi indirizzat lill-Unit li hemm fl-Uffiċċju tal-Kabinett immexxi minn Philip Massa.
Anki hawnhekk, Jonathan Ferris, permezz tar-rappreżentant legali tiegħu, talab diversi drabi għal laqgħa ma’ Philip Massa li fis-16 ta’ Jannar dan qal li talba għal external disclosure trid issir bil-miktub. Ferris għamel dan, iżda fi Frar Massa qal li qabel ma ssir external disclosure, hemm bżonn prova li Jonathan Ferris, għamel, jew ipprova jagħmel, rapport intern.
Il-Protest ikompli li dan mhux meħtieġ mill-liġi udan l-aġir kien qed ipoġġi ostakli bla ebda raġuni.
Philip Massa baqa’ jinsisti fejn f’ittra fit-2 ta’ Marzu, qal li Ferris għandu jagħmel internal disclosure u jekk dan ma sarx, mhux se jingħata l-protezzjoni ta’ Whistleblower.
Il-Protest itemm li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja għandhom l-obbligu legali u morali li jagħtu effett għal kliemhom stess.
Il-Protest kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi, Roselyn Borg u Andrew Borg Cardona
//= $special ?>