“Il-flessibbilta’ biss tista’ ittejjeb ir-realta’ moderna fil-qasam tax-xogħol”.
Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema fl-amministrazzjoni u dawk klerikali tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u tTeknoloġija (MCAST).
Hu qal li dan il-ftehim kollettiv jagħmel parti minn sensiela ta’ ftehim kollettivi oħrajn li ġew iffirmati u oħrajn li qed taħdem fuqhom din il-union. Josef Vella stqarr li l-attitudni tal-UĦM madwar il-mejda se tibqa’, attitudni fejn il-union dejjem tiġi ppreparata u li tinnegozja mhux f’sens konfrontali imma fejn iż- żewġ partijiet jimmiraw għall-istess direzzjoni.
“Jalla dan il-ftehim kollettiv ikun strument ta’ kif wieħed jasal għall-objettivi tiegħu”, sostna Josef Vella filwaqt li żied li “hu r-rwol tal-union li tieħu ħsieb lill-ħaddiem li qed jagħti sehemu fil-post tax-xogħol”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irringrazzja lill-management tal-MCAST, lil Jesmond Bonello u lil Isabelle Farrugia, Direttur u Employment Relation Manager rispettivament fi ħdan il-UĦM.
Ringrazzjament speċjali ngħata lil Alex Wright, Employment Relations Representative, li kellu sehem
importanti fin-negozjati, kif ukoll għax dan il-ftehim kollettiv, bħal oħrajn li saru fil-passat, hu l-aħħar wieħed li fih ta impenn kbir. “Nirringrazzjak tax-xogħol siewi li għamilt b’dedikazzjoni, b’altruwiżmu u b’sens ta’ servizz lejn il-ħaddiema kollha li tirrapreżenta”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara li kien imfakkar proprju f’din l-okkażjoni, Josef Vella fisser li f’dan il-ftehim kollettiv hemm kundizzjonijiet li jagħmlu provvediment b’risq il-ħaddiema nisa. Hu qal li fid-dinja tax-xogħol hemm barra, il-UĦM Voice of the Workers qed tagħmel minn kollox biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa. “Importanti li nagħmlu dan għall-ekonomija tal-pajjiż imma aktar importanti hu li filwaqt li qed inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa, xi ħadd irid jieħu ħsieb il-familji u l-ulied”, sostna Josef Vella.
Għaldaqstant il-flessibbilta’ fil-post tax-xogħol dejjem se tibqa’ esiġenza importanti biex jintlaħaq
bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-produttivita’ kif ukoll il-bilanċ tal-ħajja max-xogħol.