Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja għamilha ċara li pajjiżu ma kienx involut fl-attentat ta’ jiem ilu fuq il-ħajja ta’ eks-spjun Russu f’Salisbury. Fl-istess ħin, il-Ministru Sergei Lavrov qal li Moska lesta tgħin fl-investigazzjoni tar-Renju Unit, fejn spjega li r-Russja ma kenitx avviċinata mill-awtoritajiet Britanniċi li qed jinvestigaw l-ivvelenar tal-eks-spjun Sergei Skripal u bintu Yulia.
Sergei u Yulia, fi tmiem il-ġimgħa, kienu esposti għal kimika rari u misterjuża waqt ‘attakk sfaċċat’ u, fil-preżent jinsabu l-isptar, fejn għadhom ‘f’kundizzjoni serja ħafna’.
Is-Segretarju għall-Intern Britanniku, Amber Rudd, żaret l-inħawi ta’ Salisbury fejn seħħ l-attakk u ma żvelatx dettalji ġodda dwar is-sustanza kimika jew ‘il-mod kif din intużat għall-attakk’.
Rudd, li marret fiċ-ċentru kummerċjali fejn Skripal u bintu nstabu mitlufin minn sensihom, qalet biss li ‘il-pulizija jeħtieġu l-ħin u l-ispazju biex jaħdmu fuq il-każ’.
Fl-aħħar sigħat, investigaturi b’ilbies ta’ protezzjoni marru fid-dar ta’ Skripal, f’Salisbury, bħala parti mill-investigazzjonijiet biex huma jaċċertaw proprju ‘fejn’ il-missier u bintu setgħu spiċċaw esposti għall-kimika, magħrufa bħala nerve agent.
//= $special ?>

