Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Ġimgħa kruċjali għat-tellieqa tar-rebħ tal-kampjonat

Wara d-draw kontra Gżira, Balzan iridu jippruvaw jirritornaw għar-rebħ meta jilagħbu kontra Birkirkara (Ritratt – Martin Agius)

Bejn illum u nhar il-Ħadd jintlagħab programm ieħor mill-Kampjonat BOV Premier u bla dubju wieħed jista’ jgħid li tmiem din il-ġimgħa se tkun waħda kruċjali fit-tellieqa għar-rebħ tal-kampjonat li jinsabu għaddejin biha Balzan u Valletta.

Għada Balzan jilagħbu kontra Birkirkara filwaqt li Valletta jilagħbu kontra Hibs. Birkirkara għaddejin minn mument ferm pożittiv filwaqt li Hibs se jkunu għadhom kemm bidlu l-kowċ.

Wara l-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet Balzan komplew iżommu l-kmand tal-klassifika iżda l-vantaġġ fuq Valletta issa hu ta’ punt wieħed biss. Dan għaliex fil-logħba li ntlagħbet it-Tnejn filgħaxija huma naqqsu milli jieħdu l-punti massimi kontra Gżira f’logħba li qatt ma’ leħqet il-livelli mixtieqa u li ntemmet 0-0.

Minkejja li Balzan ħarġu l-aktar aggressivi huma ftit li xejn kienu diretti u minbarra żewġ punti mitlufa tilfu wkoll lill-attakkant Bojan Kaljevic li ser ikun sospiż minħabba li kontra Gżira ħa r-raba’ karta safra.

Minn naħa tagħhom Birkirkara se jkunu ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra Lija u jekk jirbħu kontra Balzan u Valletta jfallu kontra Hibs, il-Karkariżi jkunu punt taħt il-Beltin.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom Valletta rebħu 2-0 kontra Tarxien imma għalihom kompliet tidher evidenti l-problema li għandhom fl-attakk fejn mhumiex daqstant diretti u b’hekk qed isibuha diffiċli biex isibu x-xibka avversarja. F’temp ta’ ftit minuti l-partita ħadet żvolta favur Valletta fejn skurjaw żewġ gowls fi spazju ta’ tliet minuti filwaqt li ftit wara Tarxien spiċċaw b’għaxra wara t-tkeċċija ta’ Baker. Minn hemm ‘il quddiem Valletta kkontrollaw tajjeb biex kisbu dak li riedu.

Valletta se jilagħbu kontra tim li għaddejin minn mument diffiċli, dak ta’ Hibs. Dawn tal-aħħar il-Ħadd se jkunu taħt it-tmexxija ta’ tliet persuni, il-kowċ tal-gowlkipers Mario Muscat, il-kowċ tat-tim tan-nisa u head coach tan-nursery Neil Zarb Cousin u Eric Lia.

Tard it-Tnejn filgħaxija Mark Miller u Hibs qablu li jinfirdu u l-pjan ta’ Hibs, oriġinarjament kien, li t-tim jgħaddi b’mod temporanju f’idejn Josef Mansueto, li kien assistent ta’ Miller imma dan irriżenja mill-kariga.

Il-Ħadd li għadda Hibernians komplew jiddiżappuntaw wara li sfaw megħluba minn Sliema. Kellu jkun penalty skurjat minn Muchardi li ddeċieda l-logħba favur il-Blues. Jidher li dan l-istaġun minkejja l-inkonsistenza tagħhom, kontra Hibernians il-Wanderers kien konsistenti fejn b’din ir-rebħa kisbu d-double fil-kampjonat filwaqt li niftakru li kienu l-Blues stess li eliminaw lil Hibernians fil-kompetizzjoni tal-FA Trophy.

Fl-ewwel rawnd tal-kampjonat Hibs u Valletta kienu temmew fi draw ta’ 0-0 filwaqt li Balzan kienu għelbu lil Birkirkara bi skor ta’ 2-1.

Għada Floriana jilagħbu kontra Senglea bit-tir li jieħdu tliet punti oħra biex jissieltu għal post fl-Ewropa. Ġimgħa ilu Floriana kisbu rebħa kbira fuq Mosta.

Wara d-draw pożittiv kontra Balzan, Gżira jaffrontaw lil Mosta fl-ewwel logħba tal-Ħadd. Huma m’għandhomx ifallu hekk kif se jilagħbu kontra tim li ilu erba’ partiti bla ma jsib ix-xibka avversarja.

Ta’ min jinnota li Gżira se jkunu mingħajr l-attakkant u l-aqwa skorer tal-kampjonat Samb li hu sospiż.
L-uniku logħba tal-lum hi dik bejn Lija u Tarxien.