Futbol Sport

SERIE A: Illejla jirritorna l-kampjonat Taljan

Fi tmiem il-ġimgħa jirritorna l-kampjonat Taljan wara li ġimgħa ilu l-partiti tal-Ħadd kienu ġew posposti kollha minħabba l-mewt tal-captain ta’ Fiorentina Davide Astori.

Bla dubju l-aktar konfront mistenni hu dak tal-Ħadd filgħaxija f’San Siro bejn Inter u Napoli filwaqt li llejla Roma jilagħbu kontra Torino.

Fl-ewwel logħba tas-Sibt Fiorentina se jkunu qed jilagħbu għall-ewwel darba mingħajr il-mibki Davide Astori. Astori nstab mejjet fil-lukanda fejn kien mal-kumplament tal-iskwadra li kienet qed tħejji għal logħba ta’ ġimgħa ilu kontra Udinese.

Il-Ħamis li għadda Astori ngħata l-aħħar tislima u preżenti għall-funeral tiegħu kien hemm kowċis, plejers, eksplejers, diriġenti u uffiċjali minn diversi klabbs Taljani kif ukoll id-diriġent ta’ Real Madrid Emilio Butragueno u l-eksplejer leġġendarju tal-Olanda li lum qed jaħdem mal-FIFA, Marco Van Basten.

Astori twieled fis-7 ta’ Jannar tal-1987 f’Bergamo u matul il-karriera tiegħu lagħab ma’ timijiet bħal ma huma Cagliari, Roma, Milan u Fiorentina filwaqt li libes il-flokk nazzjonali Taljan 14-il darba.

Ta’ min jinnota li minbarra li qabel kull logħba se tiġi osservata minuta ta’ silenzju b’rispett ta’ Astori, fuq kull flokk li se jilagħbu bih il-plejers se jkun hemm il-kitba “Ciao Davide”.