Ir-reġjuni tal-Amerika t’Isfel u l-Amerika Ċentrali huma ferm prominenti f’lista ġdida dwar l-aktar bliet vjolenti fid-dinja. Dan waqt li l-Istati Uniti u l-Afrika t’Isfel ukoll qed ‘jispikkaw’ f’din il-lista.
Skont rapport ġdid, il-belt ta’ Los Cabos, fil-Messiku, għandha t-titlu dubjuż ta’ ‘l-aktar belt vjolenti fid-dinja’, fejn hi segwita minn Caracas, il-kapitali tal-Veneżwela u Acapulco ( Messiku) fit-tielet post. Biżżejjed wieħed jgħid li 42 fost l-aktar bliet vjolenti tad-dinja jinsabu fl-Amerika t’Isfel.
L-Istati Uniti hi ‘rappreżentata’ mill-ibliet ta’ St Louis, Baltimore, New Orleans u Detroit waqt li l-Afrika t’Isfel għandha lil Cape Town, Durban u Nelson Mandela Bay fost it-‘Top 50’ għall-vjolenza.
Il-lista, intant, tinkorpora wkoll bliet fil-Ġamajka, il-Honduras, Puerto Rico, il-Kolombja, El Salvador u l-Gwatemala.
Il-Brażil jissemma bil-kbir, bi 17 il-belt ‘jikkwalifikaw’ għal-lista tal-vjolenti, u meta l-pajjiż jinsab fl-ewwel post ta’ ‘kontributuri’, fejn hu segwit mill-Messiku, il-Veneżwela u l-Istati Uniti.
Il-lista kienet ippreparata minn think-tank Messikan bl-isem Seguridad Justicia Y Paz ( Sigurtà, Ġustizzja u Paċi), bl-ibliet jingħataw evalwazzjoni skont ‘ir-rata tal-omiċidju għal kull 100,000 resident’.
L-awturi tal-lista sabu, fost oħrajn, li, meta mqabbel mal-2016, kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-vjolenza fil-Honduras, li żewġt ibliet tiegħu ( fuq il-lista) niżlu, rispettivament, mit-tielet għas-26 post (San Pedro Sula) u mir-raba’ għall-35 post (Tegucigalpa). Ir-rapport anki jfaħħar lill-Gvern ta’ Honduras għall-isforzi biex irażżan il-kriminalità organizzata fi ħdanu.
Il-vjolenza dehret li naqset ukoll fil-Veneżwela iżda r-raġuni għal dan kien ‘in-nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern’, li jfisser li l-awtoritajiet fil-pajjiż ma jistgħux jgħoddu aktar in-numru ta’ omiċidji fl-ibliet taħt sistemi effettivi. Filwaqt li l-ibliet ta’ Cumana u Gran Barcelona tneħħew mil-lista ‘tal-ħamsin’, dan kellu jsir għaliex ir-rati tal-omiċidji għall-ibliet rispettivi ma setgħux ikunu stabbiliti.
Mill-banda l-oħra, il-vjolenza fil-Messiku reġistrat żieda qawwija fl-2017, tant li l-lista ġdida tinkludi 12 il-belt tal-pajjiż — qabża sew mill-ħamsa rreġistrati fl-2015. Ir-rata tal-omiċidju fil-Messiku, fuq bażi nazzjonali, laħqet rekord ta’ 29,000 is-sena l-oħra li hi l-ogħla statistika mindu bdew jinżammu r-rekords fl-1997.
Intant, San Salvador, il-kapitali ta’ El Salvador, tinsab fis-17 il-post tal-lista meta hemmhekk tispikka l-attività qattiela tal-grupp kriminali MS13.
L-aktar belt tal-Istati Uniti li qed tokkupa pożizzjoni għolja (13) fil-lista hi St Louis, f’Missouri, li għandha rata ta’ omiċidju ta’ 65.83 għal kull 100,000 resident.
//= $special ?>

