Internazzjonali

Avvanzi għall-Armata fis-Sirja

L-Armata tal-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, għamlet l-avvanzi sinifikanti fl-isforzi biex tieħu l-kontroll sħiħ tad-distrett tal-Lvant ta’ Ghouta li hi hu kontrollat mir-ribelli.

Dan fost rapporti li t-truppi Sirjani qatgħu l-aċċessi għall-belt ta’ Douma, li hi l-akbar belt tar-reġjun, filwaqt li iżolaw zona oħra importanti. L-avvanz tal-militar Sirjan, effettivament, jaqsam dan ir-reġjun fi tlett ibnadi, anki waqt li l-grupp tar-ribelli Jaish al-Islam beda jevakwa lill-ġellieda ‘ġiħadisti’ li qed jinżammu f’kumplessi tal-ħabs fil-Lvant ta’ Ghouta.

Kelliema għall-grupp qalu li d-deċiżjoni għall-evakwazzjoni ttieħdet wara konsultazzjoni ma’ delegazzjoni li daħlet fl-inħawi ta’ Ghouta, flimkien ma’ konvoj għall-għajnuna tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Gvern tas-Sirja, intant, baqa’ iżid fl-isforzi biex jieħu lura l-kontroll tal-Lvant ta’ Ghouta li ilu żmien fortizza tar-ribelli anti-Assad. Dan meta l-assedju tal-aħħar jiem fuq il-Lvant ta’ Ghouta qajjem inkwiet kbir dwar kriżi umanitarja fl-inħawi. fost rapporti li tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 900 residenti ċivili.

Madwar 400,000 persuna jinsabu ‘iżolati’ fil-Lvant ta’ Ghouta u meta għadhom għaddejjin l-isforzi u n-negozjati għal ftehim biex jieqaf it-tixrid tad-demm fl-inħawi.

Skont il-Jaish al-Islam, ir-rappreżentanti tiegħu waslu fi ftehim ma’ diversi entitajiet, fosthom in-NU, biex jevakwaw il-ġellieda li huma membri ta’ alleanza ta’ gruppi taħt it-tmexxija tal-Front ta’ Nusra, li żviluppat mill-moviment al-Qaeda.

Dawk il-militanti ġiħadisti estremisti huma esklużi minn ftehim tan-NU għal waqfien mill-ġlied li għad irid ikun implimentat. Dan waqt li l-preżenza tal-ġellieda inkwistjoni provdiet ġustifikazzjoni biex il-qawwiet ta’ Assad ikomplu jattakkaw il-Lvant ta’ Ghouta u mistenni li l-offensiva – bl-appoġġ tar-Russja – se tkompli ‘minkejja t-trasferiment tal-ġellieda lejn bnadi oħra’.