Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li ftehim bejn pajjiżu u l-Korea ta’ Fuq ‘hu tassew possibbli’ u li ‘qed isir ix-xogħol fuqu’. Dan meta Trump, fil-ġimgħat li ġejjin, mistenni jsir l-ewwel Mexxej Amerikan fil-kariga li qatt iltaqa’ wiċċ-imb-wiċċ ma’ Kap tal-Istat Korean komunista.
Il-messaġġ pożittiv ta’ Trump segwa l-aħbar, ġurnata qabel, li hu kien qabel li jiltaqa’ mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un. Intant, il-komunità internazzjonali għadha qed tistenna stqarrija dwar din il-laqgħa min-naħa ta’ Pyongyang.
Aktar qabel il-White House ta’ Washington kien qal li l-laqgħa bejn Trump u Kim Jong-un ma għandhiex issir dment li l-Korea ta’ Fuq ma tieħux azzjonijiet konkreti għal denuklearizzazzjoni.
Fl-istess ħin, rapporti fl-istampa Amerikana qed jgħidu li Donald Trump ħa d-deċiżjoni biex jiltaqa’, ‘il quddiem, ma’ Kim Jong-ujn mingħajr ma kkonsulta ma’ membri importanti tal-amministrazzjoni tiegħu li għadhom qed iniżżlu din is-sitwazzjoni ġdida.
Id-deċiżjoni ta’ Trump dwar dan il-pass storiku – wara stedina li waslitlu mingħand id-diplomatiċi tal-Korea t’Isfel – issorprendiet lill-osservaturi, meta hemm ukoll element qawwi ta’ inċertezza u konfużjoni.
Il-konfużjoni żdiedet wara li s-segretarju stampa ta’ Trump, Sarah Sanders, qalet lill-ġurnalisti li l-Korea ta’ Fuq ‘impenjat ruħha biex twarrab għan-nukleari’ , filwaqt li enfasizzat id-determinazzjoni ta’ pajjiżha biex ‘jara dan l-impenn konkret min-naħa ta’ Pyongyang’.
Numru ta’ rappreżentanti tal-Korea t’Isfel li fl-aħħar jiem iltaqgħu ma’ Kim Jong-un fi Pyongyang qalu, sadanittant, li l-Korea ta’ Fuq ‘qed taħseb fid-denuklearizzazzjoni bħala għan finali’. Madankollu, id-diplomatiċi ma qalux li l-proċess tad-denuklearizzazzjoni jistax jibda’ qabel il-laqgħa bejn Kim u Trump li mistennija għal Mejju.
Hu minnu wkoll li l-ebda ‘post jew data għal-laqgħa’ ma kienu kkonfermati b’mod uffiċjali. Dan meta z-zona demilitarizzata tal-Korej u l-kapitali Ċiniża, Beijing, qed jissemmew bħala siti potenzjali għat-taħditiet storiċi bejn Trump u Kim.
Mifhum ukoll, iżda, li l-Korea ta’ Fuq qablet biex twaqqaf il-programm għall-provi tal-missili filwaqt li jkomplu n-negozjati.
//= $special ?>


