Wara d-draw tat-Tnejn li għadda kontra Gżira United, il-vantaġġ ta’ Balzan fil-quċċata reġa’ niżel għal punt u għalhekk jekk ma jirbħux illum kontra Birkirkara jistgħu jitilfu l-quċċata.
Minkejja dan id-draw, il-kowċ ta’ Balzan Marco Micovic ma jikkunsidrax dan bħala żelqa għaliex jemmen li fil-kampjonat kull logħba hi diffiċli u iebsa. Il-pressjoni ta’ din il-logħba għal kowċ Serb hi xi ħaġa pożittiva biex il-plejers jagħtu l-aħjar tagħhom.
Birkirkara jinsabu ħames punti wara Balzan, madankollu l-kowċ Paul Zammit mhux qed iħares lejn Balzan u Valletta, iżda lejn Gżira United, Floriana u Hibernians li jinsabu warajhom, “tliet timijiet li jistgħu jisfidaw għat-tielet post.”
Zammit hu konxju mis-saħħa ta’ Balzan u qal li se tkun battalja. Hu ftakar fil-konfront tal-ewwel rawnd fejn Balzan kienu rebħu 2-1 lejn it-tmiem. F’dak iż-żmien, Birkirkara kienu għaddejjin minn mument diffiċli, b’Zammit jgħid li minn dakinhar komplew jaħdmu biex qegħdin fejn jinsabu llum. Iżda l-kowċ ta’ Birkirkara qal li “ma jistgħux jorqdu fuq il-passat” għaliex fadal ħames logħbiet għal tmiem il-kampjonat.
Micovic faħħar lill-avversarji tiegħu fejn qal li Birkirkara huma tattikament preparati tajjeb iżda sostna li se jagħmlu minn kollox biex jirbħu u jagħmlu pass ieħor biex jirbħu l-kampjonat.
Ftit ġimgħat ilu, Birkirkara affrontaw lill-isfidanti l-oħra Valletta. Mistoqsi biex iqabbel l-istil ta’ Valletta ma’ dak ta’ Balzan, Paul Zammit qal li “t-tnejn għandhom saħħa differenti iżda huma l-aktar konsistenti kif tixhed il-klassifika.” Hu tenna li ma jistgħux jitqabblu u qal li kull tim għandu d-dgħjufija tiegħu u se jkunu qed jippruvaw li jisfruttaw il-punti debboli.
Għal dan il-konfront, Balzan se jkollhom l-aqwa skorer tagħhom Bojan Kaljevic sospiż, b’Marco Micovic mistenni juża lil Alfred Effiong bħala l-attakkant prinċipali.
//= $special ?>