Rapport: George Cassar
SLIEMA W………………..1
ST. ANDREWS………….0
Sliema: G. Zammit, J. Mintoff, N. Ashong, K. Shaw, S. Biancardi. F. Qeros, E. Agius (K. Amehi 68’), M. Muchardi, M. Sansone, R. Correa (R. Spiteri 83’), F. Temile
St. Andrews: M. Calleja Cremona, A. Borg, M. Gauci, T. Blagrove, J. Vandelannoite, J. Farrugia, M. Grima, M. Miranda Gomez, K. Reid, K. Atkinson (J. Walker 65’), T. Azian
Skorja: K. Amehi 74’ (Sl)
Imwissija: F. Qeros 29’, N. Ashong 41’, M. Gauci 43’(Sl)
Referee: Etienne Mangion
Assistenti Referees: Alan Camilleri, Peter Abela
Il-Mument Plejer tal-logħba: Ricardo Correa (Sliema Wanderers)
Gowl tas-sostitut Kylian Amehi kwarta mit-tmiem ta rebħa lil Sliema Wanderers filwaqt li tefa’ lil St. Andrews f’inkwiet serju tar-relegazzjoni. Din it-telfa tkompli tikkumplika s-sitwazzjoni tal-Luxol li issa jinsabu taħt Tarxien Rainbows li l-Ġimgħa rebħu l-logħba tagħhom kontra Lija Athletic.
B’dawn it-tliet punti, f’temp ta’ ġimgħa, Sliema qatgħu d-differenza kollha li kellhom minn ma’ Hibernians wara li anki rebħulhom bħal-lum tmint ijiem, għalkemm il-Pawlisti għad iridu jilagħbu llum kontra Valletta.
Il-Wanderers kienu ftit aħjar għal ħafna mill-ħin tal-partita b’St. Andrews ikollhom mument tajjeb fil-bidu tat-tieni taqsima li iżda fih ma rnexxielhomx jikkonkludi wisq lejn il-lasti difiżi minn Glenn Zammit.
Għas-Slimiżi kellu partita pożittiva Riccardo Correa li qed jerġa’ jilgħab fil-fażi offensiva u kien perikoluż għad-difiża ta’ St. Andrews bil-manuvri veloċi tiegħu.
John Mintoff ukoll kellu prestazzjoni tajba fuq in-naħa tal-lemin tad-difiża filwaqt li żammew il-konsistenza tagħhom iż-żgħażagħ prodotti tan-nursery Michele Sansone f’nofs il-grawnd u Kurt Shaw bħala difensur ċentrali li komplew jingħataw il-fiduċja mill-kowċ John Buttigieg.
Sliema ħolqu l-ewwel azzjoni tajba meta ftit wara l-kwarta logħob, Matias Muchardi rċieva ballun mingħand Edmond Agius u fajjar xutt minn barra l-kaxxa li laqat il-mimduda wara li kien imxellef.
St. Andrews laqtu l-lasta huma wkoll ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima meta x-xutt bid-dawra ta’ Tano Azian għeleb lill-gowlkiper Glenn Zammit iżda kien imwaqqaf mill-mimduda.
Il-gowl deċiżiv ġie skurjat kwarta mit-tmiem. Il-Franċiż Kylian AMEHI, li kien daħal jilgħab ħames minuti biss qabel, fajjar xutt ftit barra mill-kaxxa li donnu ħasad lil Matthew Calleja Cremona li ma ntefax għall-ballun li spiċċa fir-rokna tax-xibka. Il-gowl kien l-aħħar azzjoni serja għax ir-risposta ta’ St. Andrews ma kinitx waħda qawwija u b’hekk spiċċaw ħarġu mill-grawnd b’idejhom vojta.
Il-ġimgħa d-dieħla St. Andrews se jkollhom biċċa xogħol diffiċli biex jerġgħu jibdew iżommu l-pass mat-timijiet l-oħra fil-periklu tar-relegazzjoni hekk kif iridu jilagħbu partita diffiċli kontra l-isfidanti tal-kampjonat Valletta.
//= $special ?>