Lokali

Francis Zammit Dimech iħabbar laqgħat mal-istakeholders fl-oqsma tal-biedja u l-agrikoltura

Malta m’għandiex membri fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Agrikoltura, u dawn il-laqgħat se jservu biex leħen il-bdiewa jitwassal fil-Parlament Ewropew, speċjalment hekk kif sentejn oħra jibda perjodu ġdid ta’ tqassim ta’ fondi Ewropej għall-bdiewa

Peress li Malta m’għandiex Membri Parlamentari Ewropej fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Agrikoltura, l-MEP Francis Zammit Dimech ħabbar li se jkun qed jagħmel sensiela ta’ laqgħat mal-istakeholders kollha fl-oqsma tal-biedja u l-agrikoltura.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex, l-MEP Francis Zammit Dimech saħaq li jkun inġust jekk il-bdiewa Maltin ma jkollhomx leħen fil-Parlament minħabba l-fatt li Malta m’għandiex membri f’dan il-kumitat, u għaldaqstant, qed jimpenja ruħu li jiltaqa’ hu mal-istakeholders kollha biex il-ħsibijiet tagħhom jitwassal fil-Parlament Ewropew.

Filwaqt li spjega li diġa’ beda jiltaqa’ ma’ numru ta’ stakeholders, Francis Zammit Dimech qal li dan qed jagħmlu għax bħala Membru Parlamentari Ewropew, flimkien ma’ sħabu l-MEPs l-oħra, xorta għandu influwenza fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew – jiġifieri l-post fejn jittiedu l-voti finali.

Francis Zammit Dimech qal li fil-laqgħat tiegħu, hu beħsiebu jiltaqa’ ma’ akkademiċi, żgħażagħ li għandhom interess fil-biedja, bdiewa, raħħala u koperattivi biex jisma’ l-punti tagħhom u jqajjimhom fil-Parlament Ewropew u fi ħdan il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew – l-ikbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew. Dan filwaqt li diġa beda jippromwovi l-prodotti tal-bdiewa Għawdxin – fost oħrajn b’attivita’ f’Diċembru li għadda fi Brissell fejn ġew reklamati numru ta’ prodotti lokali u awtentiċi minn Għawdex.

Fost suġġetti oħra, Francis Zammit Dimech innota b’dispjaċir li f’Jannar li għadda ġiet sospiża l-iskema tat-tqassim b’xejn ta’ frott u ħaxix għat-tfal fl-iskejjel. Hu qal t-tfal u saħħithom m’għandhomx jeħlu man-nuqqasijiet amministrattivi tal-Gvern, li qed iwasslu biex it-tfal ma jibbenefikawx minn din l-iskema ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea.

Dwar il-fondi mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa, l-MEP Francis Zammit Dimech qal li jeħtieġ li l-bdiewa jibqgħu jibbenefikaw bl-aħjar mod possibbli minn dawn il-fondi, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jassiguraw l-aqwa kwalita’ fil-prodotti li jipproduċu, waqt li jkunu jistgħu jibqgħu jsostnu l-għixien tagħhom u tal-familji tagħhom.

Ma setax jonqos li waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet, l-MEP Francis Zammit Dimech ifakkar kif il-Gvern irid b’mod reali jara l-interessi tal-bdiewa Maltin l-ewwel u qabel kollox billi jipprotegi l-art tal-bdiewa u l-art agrikola. Żied li kieku ma kinitx l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista u tal-Kap Adrian Delia, medda kbira ta’ art agrikola f’Bulebel kienet ser tiġi żviluppata.

Dwar il-qerda tal-art ambjentali, li l-Gvern ta’ Joseph Muscat hu magħruf għaliha, Zammit Dimech irrefera għall-għoti tal-art verġni fiż-Żonqor għall-ispekulazzjoni u kif ukoll għall-iżvilupp li kien qed jiġi propost dan l-aħħar f’Wied Għomor. Bl-MEP Francis Zammit Dimech jinsisti li flimkien mal-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi u jħares l-art intiża għall-agrikoltura.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said li min-naħa tiegħu esprima ringrazzjament lejn l-MEP Francis Zammit Dimech tal-istedina biex jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet flimkien miegħu, u talli qed ipoġġi dan is-suġġett fuq l-aġenda Ewropea.

Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Chris Said enfasizza l-importanza tal-biedja u l-agrikoltura għall-gżira Għawdxija u sostna li meta wieħed jikkumpara l-ammonti ta’ raħħala u bdiewa per capita ma’ dawk ta’ Malta, wieħed jirrealizza li f’Għawdex din l-industrija tant importanti għas-settur kemm agrikolu kif ukoll turistiku hi ferm ikbar.