Lokali

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa titlob għall-abort b’mod sigur u legali

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ppreżentat il-pożizzjoni tagħha dwar id-drittijiet sesswali u tas-saħħa riproduttiva tan-nisa.

Fost it-talbiet tal-Fondazzjoni, li x-xewqa tagħha hi li kull mara u tfajla f’pajjiżna jkollha dritt għal saħħa sesswali u riproduttiva b’mod komprensiv, hemm l-aċċess għall-abort b’mod sigur u legali.

Dan jinkludi wkoll it-tneħħija tal-proċeduri kriminali u r-riskju ta’ sentenza li tlaħħaq it-tliet snin ħabs għal nisa li jmorru barra minn pajjiżna biex iwettqu l-abort.

F’Position Paper tal-Fondazzjoni jingħad li d-dritt tal-abort għandu jiġi offrut għallinqas f’każi fejn bih tiġi salvata l-ħajja tal-mara, meta dan ikun bżonnjuż biex tiġi salvagwardjata s-saħħa fiżika u mentali, f’każi ta’ rejp jew inċest jew inkella meta l-fetu jkun qed isofri minn kundizzjonijiet fatali.

Fil-Positition Paper tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, wieħed isib ukoll talba għal Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva li fost oħrajn janalizza l-kwalità u standards tas-servizzi offruti lin-nisa f’pajjiżna.

Rakkomandazzjoni oħra hi li n-nisa f’pajjiżna jkunu jistgħu jagħmlu użu minn varjetà ta’ kontraċettivi, inkluż implants, patches kif ukoll l-injezzjoni, waqt li jitneħħew restrizzjonijiet prattiċi, finanzjarji u legali għall-proviżjoni ta’ kontraċettivi, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ jew persuni bi dħul baxx.

Dan minbarra edukazzjoni sesswali għat-tfajliet f’pajjiżna u li dawn jiġu offruti programmi u strateġiji fejn l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet umani jkunu fiċ-ċentru.