Il-Ministru tas-Sigurtà tar-Renju Unit, Ben Wallace, qal li l-Gvern tiegħu hu lest ‘biex iwieġeb bil-qawwa kollha li hi permessa mir-riżorsi tal-pajjiż’ fil-każ tal-eks-spjun Russu li spiċċa l-isptar, f’kundizzjoni ħażina ħafna, fost allegazzjonijiet li seta’ spiċċa vvelenat b’kimika rari ‘fuq direttiva tar-Russja’.
L-eks-spjun, Sergei Skripal, u bintu Yulia kienu nstabu mitlufin minn sensihom, ġimgħa ilu, fl-inħawi ta’ kumpless kummerċjali ta’ Salisbury, f’Wiltshire, u l-pulizija Britannika, fil-preżent, qed tinvestiga attentat ta’ qtil probabbli.
Min-naħa tiegħu, Ben Wallace qal li dan l-inċident kien wieħed serju għall-aħħar ‘li jista’ jħalli riperkussjonijiet tal-waħx’. Fl-istess ħin, hu sostna li l-Gvern tiegħu għandu jieħu l-miżuri kollha li jqis neċessarji fid-dawl tas-sitwazzjoni.
‘Xi persuna jew persuni daħlu f’pajjiżna u, bl-aktar mod sfaċċat, wettqu dak li qed jidher bħala reat terribbli fejn intużat sustanza qattiela li hi projbita mill-parti kbira tal-liġijiet internazzjonali,’ qal Wallace. Il-Ministru tas-Sigurtà kompla li din l-azzjoni ‘kellha wkoll il-potenzjal li tipperikola l-ħajja ta’ numru ta’ nies innoċenti’.
Meta kien mistoqsi jekk Skripal, residenti fir-Renju Unit u li, snin ilu, kien għamel żmien il-ħabs fir-Russja, kienx qed jaħdem għas-servizzi sigrieti Britanniċi, Wallace wieġeb li l-politika tal-Gvern tiegħu tisħaq ‘biex dawn id-dettalji jinżammu sigrieti’.
Sadanittant, il-Home Secretary tar-Renju Unit, Amber Rudd, mexxiet laqgħa tal-kumitat ‘Cobra’ għall-emerġenzi tal-Gvern biex jitrattaw l-aħħar żviluppi fil-każ. Dan waqt li rrankat l-investigazzjoni dwar l-eks-spjun u bintu Yulia, li, bħalu, tinsab l-isptar taħt osservazzjoni kontinwa.
//= $special ?>

