Lokali

Il-Kunsillieri Laburisti ta’ San Pawl il-Baħar jerġgħu jħarbtu l-laqgħa tal-Kunsill

“Il-kilba għall-poter tal-Kunsillieri Laburisti ta’ San Pawl il-Baħar la tirrispetta id-deċiżjoni tal-Qorti li laqgħat proviżorjament il-mandat mressaq mill-Partit Nazzjonalista u anqas ma tirrispetta r-rieda tal-poplu tal-istess lokalità.”

Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista, li fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar ifakakr kif id-deċiżjoni tal-Qorti fissret li l-Kunsillieri Laburisti ma’ setgħux jaqbdu u jeleġġu Sindku minn fosthom iżda għal kuntrarju kellu jiġi maħtur awtomatikament Sindku minn fost il-kunsillieri eletti fl-2015 f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista f’dik l-elezzjoni kien rebaħ il-maġġoranza.

Iżda l-Kunsillieri Laburisti għażlu li jerġgħu jħarbtu l-laqgħa tal-Kunsill Lokali fejn saħansitra telqu ‘l barra, b’konsegwenza li l-Kunsill se jibqa’ staġnat b’detriment għar-residenti tal-lokalità.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-Aġent Segretarju Eżekuttiv Elke Sghendo, ippreġudikat il-pozizzjoni tagħha meta hi wkoll sfidat id-direttiva tal-Ministru Owen Bonnici li talabha timxi mal-liġi u mad-deċiżjoni tal-Qorti. Il-Ministru għall-Kunsilli Lokali issa jrid jgħid x’passi se jieħu.

Il-Partit Nazzjonalisti jibqa’ impenjat li jġib l-interessi tar-residenti l-ewwel u qabel kollox u jrid jibqa’ jiġġieled sal-aħħar biex is-sewwa jirbaħ dejjem fl-aħjar interess ta’ San Pawl il-Baħar u r-residenti tal-lokalità.