Tliet persuni u l-aggressur tagħhom tilfu ħajjithom waqt sitwazzjoni ta’ ostaġġi li żviluppat ġo dar għall-veterani fl-Istat ta’ Kalifornja, fl-Istati Uniti.
L-emerġenza, fl-inħawi ta’ Yountville, damet għal sigħat wara li raġel armat b’azzarin daħal f’dik il-faċilità, bil-pulizija aktar tard tiċċirkonda l-bini hi u tipprova tikkontrolla s-sitwazzjoni.
Intant, id-drama kellha tmiem traġiku, fost rapporti li ‘il-pulizija, fl-aħħarnett, sabu lil tliet nisa mejtin, viċin il-katavru tal-aggressur’. In-nies maqtula x’aktarx li kienu impjegati mad-dar għall-veterani u jidhru li kienu qed jinżammu ostaġġi mill-armat. Mhux magħruf jekk l-aggressur kellux xi forma ta’ relazzjoni ma’ xi ħadd minn dawn il-vittmi.
Id-dar tal-veterani inkwistjoni, fir-reġjun ta’ Napa Valley, hi waħda mill-akbar kumplessi ta’ dan it-tip fl-Istati Uniti u jgħixu hemmhekk madwar 1,000 anzjan li servew mal-militar Amerikan waqt numru ta’ konflitti, inkluża t-Tieni Gwerra Dinjija.
//= $special ?>


