Lokali

L-MCAST u l-MUT jilħqu “bażi ta’ ftehim”

L-MCAST u l-Union tal-Għalliema ħabbru li ntlaħaq bażi ta’ ftehim dwar il-pakkett finanzjarju għall-gradi ta’ lecturing f’din l-istituzzjoni edukattiva.

Dan joħroġ minn stqarrija konġunta bejn iż-żewġ partijiet wara xhur ta’ diskussjoni dwar ftehim kolelttiv li ilu sentejn li skada. Sitwazzjoni li wasslet għal diversi direttivi industrijali li saħansitra eskalaw tant li ġie dikjarat strajk u l-partijiet spiċċaw il-Qorti minħabba mandat t’inibizzjoni mill-amministrazzjoni tal-kulleġġ.

Il-kwistjoni tant eskalat li fl-aħħar ġimgħat kellhom jintervjenu l-Ministru Evarist Bartolo, is-Segretarju Permanenti Prinċipali, is-Segretarji Permanenti tal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol kif ukoll dak tal-Ministeru tal-Finanzi, id-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali kif ukoll il-Unit tar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Issa ż-żewġ partijiet mistennija jkomplu b’diskussjonijiet biex jintlaħaq ftehim u jiġi finalizzat il-ftehim kollettiv. Dan hekk kif għad fadal xi issues pendenti li jaffettwaw il-gradi kollha u li huma rappreżentati fil-ftehim kollettiv.

Minkejja dan, iż-żewġ partijiet iddikjaraw li jinsabu kunfidenti li fil-futur qarib se jintlaħaq ftehim li jwassal biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tal-MCAST, fost l-oħrajn b’pakkett finanzjarju ferm itjeb minn dak attwali.