Internazzjonali

Fil-Polonja, jiddeċiedu li l-ħwienet jibdew jgħalqu l-Ħadd

Illum il-Ħadd daħlet fis-seħħ liġi ġdida fil-Polonja li biha kull kummerċ hu projbit nhar ta’ Ħadd.
Il-liġijiet qanqlet sensiela ta’ argumenti favur u kontra peress li ħafna ħaddiema li jaħdmu nhar ta’ Ħadd iħossuhom sfruttati.
Għal ħafna Polakki li wieħed seta’ jmur jixtri nhar ta’ Ħadd kienet titqies bħala l-aktar benefiċċju tanġibbli tal-era ta’ suq ħieles. Imma kien hemm ukoll min jara dan il-pass bħala ritorn lejn ħajja aktar kalma li mhux dominata mill-flus u l-kummerċ.
Il-liġi kienet introdotta minn union ewlenija fil-Polonja. Din sostniet li l-impjegati jridu jingħataw ċans li jistrieħu u jqattgħu l-ħin mal-familja u sabu appoġġ mill-partit fil-Gvern, il-Partit tal-Liġi u Ġustizzja.
Il-Knisja Kattolika wkoll appoġġjat din il-liġi.
Il-liġi ġdida għall-ewwel se tipprojbixxi l-ftuħ tal-ħwienet għal żewġ Ħdud f’xahar u mbagħad, fl-2019, dawn jitilgħu għal tlieta u finalment fl-2020 l-Ħdud kollha. Hemm seba’ eċċezzjonijiet u dawn huma fil-festi tal-Milied u l-Għid.
Hemm eċċezzjonijiet għal-liġi, fosthom pompi tal-petrol, tal-kafè u ġelati, spiżeriji u xi oħrajn li jistgħu jaħdmu l-Ħadd. Ħwienet fl-ajruporti u stazzjonijiet tal-ferrovija se jitħallew jiftħu kif ukoll ħwienet żgħar, sakemm ikun is-sid li jaħdem fihom.
Min jinqabad jikser il-liġi qed jissogra multi ta’ madwar €30,000 u jekk jinqabdu aktar minn darba hemm piena l-ħabs.