Il-Partit Nazzjonalista ilu għal ħafna snin jistinka b’risq iż-żgħażagħ għax dejjem emmen fiż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin.
Hekk iddikjara Sean Gauci, wieħed mill-kelliema fl-attività politika li nżammet dalgħodu fl-Imsida. Hu fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista li anke investa fiż-żgħażagħ meta ħadem biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Dwar id-deċiżjoni tal-Parlament biex iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-elezzjonijiet li ġejjin, Sean Gauci qal li kien il-Partit Nazzjonalista li stinka biex dan id-dritt seta’ jingħata, filwaqt li l-Gvern Laburista dam jaħsibha sew.
Kompla li fis-seduta tal-Parlament taż-Żgħażagħ, li nżammet fil-jiem li għaddew u li ddiskutiet id-dritt tal-Vot16, kien innutat kif il-Prim Ministru wasal tard, tkellem u telaq. Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni wasal fil-ħin u baqa’ fil-Plenarja jisma’ liż-żgħażagħ wara li għamel l-intervent tiegħu.
Għaldaqstant, appella liż-żgħażagħ biex fil-futur, anke huma jkunu hemm b’appoġġ għal Adrian Delia u għall-Partit Nazzjonalista.
Kelliema oħra fl-attività kienet Amanda Abela, Kunsilliera Lokali taż-Żejtun u Kandidat għall-elezzjoni ġenerali, li sostniet l-importanza li fid-dinja tal-lum, il-mara jkollha l-mezzi kollha biex issib bilanċ bejn il-familja u l-karriera.
Ftit jiem wara li ġie ċċelebrat Jum il-Mara, Amanda Abela fakkret fil-kisbiet li l-mara għamlet grazzi għal Gvernijiet Nazzjonalisti, fosthom biċ-ċans li taħdem mid-dar bit-‘teleworking’. Dan hekk kif kien il-Partit Nazzjonalista li bil-fatti, dejjem ħadem ħalli l-mara timxi ‘l quddiem.
Meta rreferiet għal diskorsi li saru fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, hi qalet li issa hu importanti li l-kliem li ngħadu dakinhar, isiru fatti u ma jibqgħux biss kliem sabiħ. Dan hekk kif minkejja l-wegħdi tal-Partit Laburista li jippreżenta l-aktar Gvern femminista fl-istorja, illum nafu li dan ma seħħx.
U min-naħa tiegħu, il-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida u Kandidat għall-elezzjoni ġenerali, Charles Selvaggi, appella biex fl-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali, l-elettorat jivvota għall-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.
Hu nnota wħud mid-diffikultajiet li l-Misidjani jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum, fosthom it-traffiku u l-parkeġġ, kif ukoll il-biża’ għas-sigurtà, fejn sfortunatament mhu jsir xejn mill-Gvern Laburista jew mit-tmexxija tal-Kunsill Laburista fl-Imsida.
Hu wiegħed li Kunsill Lokali ġdid immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista fl-Imsida se jaħdem bi pjan ċar għal soluzzjonijiet b’risq il-Misidjani kollha u għalhekk, għandhom jingħataw il-fiduċja mistħoqqa mill-elettorat f’din il-lokalità.
//= $special ?>