Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Gżira fit-tielet post b’rebħa kbira

Stewart Said

MOSTA……………3
GŻIRA U………….5

Gżira United temmew it-22 ġurnata tal-kampjonat fit-tielet wara li ħadu vantaġġ mit-telfa ta’ Birkirkara, b’rebħa ta’ 5-3 fuq Mosta. Logħba partikolari li fiha ġew skorjati ħames gowls sal-ewwel nofs siegħa tal-logħba, bl-attakki jiddominaw fuq id-difiżi rispettivi li t-tnejn ma kinux fl-aqwa tagħhom, hekk kif ħafna mill-gowls saru wara nuqqasijiet evidenti.

Gżira fetħu l-iskor fit-tmien minuta meta Nikolai Muscat qassam lil Andrew COHEN u b’xutt b’saħħtu minbarra l-kaxxa għeleb lil Andreas Vella li kien ftit barra minn postu. Għaddew tliet minuti u Gżira reġgħu rduppjaw. Reġa’ kien il-veteran Andrew COHEN li daħal tajjeb għal kross fil-baxx ta’ Okoye u għeleb lil Vella din id-darba b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa ż-żgħira.

Mosta daħlu fil-logħba u fis-17-il minuta ngħataw penalty għal fawl ta’ Clifford Gatt Baldacchino fuq Tyrone Farrugia. Mill-11-il metru Damir BARTULOVIC għeleb lil Anthony Curmi b’xutt preċiż fir-rokna. Il-gowls issoktaw għaliex żewġ minuti wara Gżira reġgħu għamlu d-distakk ta’ żewġ gowls b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta ta’ Ndubisi OKOYE li għeleb lil Vella.

Gżira dehru fil-kontroll iżda fit-33 minuta sofrew gowl li faċilment seta’ jiġi evitat. Kien żball tad-difensur Prince Mambouana, Leandro Ferriera ħa l-pussess u għadda lejn Bartulovic, bix-xutt tiegħu jkun salvat parzjalment minn Curmi, iżda l-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Leandro FERREIRA li bir-ras skorja.

Il-bidu tat-tieni taqsima żamm l-istess andament b’Gżira jkomplu jkabbru l-iskor fid-49 minuta. Andrew Cohen tefa’ ballun fit-tul wara d-difiża Mostija lejn Haruna GARBA li avvanza u qabbeż fuq Vella. L-iskor sar 5-2 erba’ minuti wara, b’lob ieħor din id-darba ta’ Ndubisi OKOYE li skorja min-naħa leminija.

Wara dan iż-żewġ gowls, ir-ritmu tal-logħba naqas drastikament biż-żewġ timijiet jidhru rassenjati għar-riżultat finali bl-ebda periklu partikolari.

Kien fit-83 minuta li Mosta naqsu d-distakk meta minn korner tax-xellug ta’ Thomas Veronese, daħal tajjeb Damir BARTULOVIC li għeleb lil Curmi.