Stewart Said
VALLETTA………….2
HIBERNIANS………1
Valletta wieġbu għar-rebħa ta’ Balzan is-Sibt meta f’logħba missielta għelbu lil Hibernians 2-1, biex b’hekk reġgħu jinsabu punt taħt il-liders. Konfront li fih Valletta kisbu rebħa meritata, iżda fallew diversi okkażjonijiet fejn setgħu jagħlqu.
Kien fil-91 minuta li Valletta setgħu tilfu dak li ħadmu għalih wara li xutt ta’ Degabriele stampa mal-wieqfa.
Din it-telfa tħalli lil Hibernians ħames punti bogħod mir-raba’ post wara li sofrew it-tieni telfa konsekuttiva. Fit-tieni taqsima, Hibernians naqsu li jattakkaw biżżejjed id-difiża avversarja biex ikollhom aktar ċans li jġibu d-draw.
Valletta fetħu tajjeb u fl-ewwel minuta heddew li jiskorjaw b’passaġġ ta’ Matteo Piciollo lejn Albert Prosa, iżda x-xutt tal-attakkant ħabat man-naħa barra tax-xibka. Valletta kellhom is-superjorità fil-fażi inizjali iżda ma kinux diretti biżżejjed, b’Hibernians konċentrati aktar fid-difiża.
Iżda fit-22 minuta kienu l-Pawlisti li resqu qrib li jmorru fil-vantaġġ. Giorgi Gorozia sab lil Jorginho bl-attakkant Brażiljan jipprova b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata, iżda Henry Bonello kien attent u salva t-tentattiv. Kważi żewġ minuti wara, ċans ieħor għal Hibernians b’Johann Bezzina jirbaħ dwell suspettuża, javvanza iżda wara li wasal wiċċ imb wiċċ ma’ Bonello, ra x-xutt fil-baxx tiegħu jkun salvat minn Bonello.
Valletta marru fil-vantaġġ fil-25 minuta meta Enmy Pena Beltre rċieva passaġġ intelliġenti fl-ispazju u krossja mill-ewwel lejn Santiago MALANO li b’xutt fil-baxx għadda l-ballun minn taħt idejn Andrew Hogg. Il-Beltin irduppjaw man-nofs siegħa logħob. Kien free-kick ta’ Miguel Alba lejn Santiago Malano qata’ għan-nofs, b’Albert PROSA jkun pront u jixħet ġewwa mill-viċin.
Hibernians irnexxielhom jidħlu fil-logħba qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn kross ta’ Jackson Lima s-sostitut Jurgen DEGABRIELE b’opportuniżmu għeleb lil Henry Bonello b’xutt mill-ewwel.
Dan il-gowl bidel l-andament tal-logħba fit-tieni taqsima, hekk kif minkejja li Valletta baqgħu aħjar, il-pressjoni bdiet tagħmel tagħha f’ċertu mumenti tal-logħba, b’Hibernians jippruvaw ikunu perikolużi f’indeċiżjonijiet Beltin.
Kien fit-53 minuta li Jurgen Degabriele għal ftit ma ħax vantaġġ minn nuqqas fid-difiża, iżda x-xutt insidjuż tiegħu spiċċa ftit barra. Minuta wara, Joseph Zerafa falla okkażjoni tajba mix-xellug meta x-xutt finali tiegħu ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Valletta komplew ikunu fuq l-offensiva u fil-71 minuta falla ċans tad-deheb meta xxuttja barra wara kross mix-xellug ta’ Zerafa li għadda tul il-lasta. Ħames minuti wara, Piciollo falla okkażjoni tajba hekk kif wara li għamel azzjoni personali xeħet barra minn qagħda tajba.
Żewġ okkażjonijiet f’erba’ minuti għal Valletta. L-ewwel kien Piciollo li prova bit-takkuna bit-tentattiv jgħaddi barra, biex fl-84 minuta Saleh għadda lil Nwoko fl-ispazju, iżda Hogg ħareġ tajjeb u blokka t-tentattiv.
Madankollu Hibernians setgħu ġabu d-draw fil-91 minuta meta Jurgen Degabriele laqat il-wieqfa wara li kien żmarkat fuq in-naħa leminija.
//= $special ?>