Lokali

“Niċċassa lejn il-mobile biex nistenniek tgħidli li kollox se jkun sew” – Ħabiba tal-qalb ta’ Christa

Xita ta' kummenti u persuni li fuq Facebook sellmu lil Christa billi qasmu ritratti u memorji tagħhom magħha

Wara l-aħbar tal-mewt ta’ Christa Formosa, it-tfajla li mietet wara inċident bil-karozza, kienu għexieren jekk mhux mijiet, il-persuni li fuq Facebook kitbu kummenti ta’ sogħba għal din l-aħbar, fosthom l-għarus ta’ Christa stess, li f’kumment qasir indirizzat lil Christa, qalilha ‘Għadni ma nistax nemmen. M’għandekx idea kemm qed nimmissjak’.

Ħabiba tal-qalb ta’ Christa kitbet: “Ilni lejl niċċassa u nħares lejn il-mobile, nistenna xi messaġġ mingħandek biex tgħidli li kollox ħa jkun sew”. “Tini s-saħħa nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u lil familtek li tant nħobb u ngħożż ukoll”. Ħabiba oħra kitbet: “Konna nħobbu lil xulxin qisna aħwa. Qed nittama li din ħolma kerha”.

Apparti li kienet mudella, Christa kienet ukoll social worker fit-taqsima tal-fostering. Ma setax jonqos li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali wkoll issellem il-memorja tal-impjegata tagħha, waqt li ddeskriviet lil Christa bħala ruħ twajba li tant għenet u misset qlub fix-xogħol tagħha.

Sena ilu, Christa kienet kuntenta li lestiet it-teżi tagħha, dwar it-tfal u meta dawn ikollhom il-ġenituri tagħhom ibatu f’xi kundizzjoni ta’ saħħa mentali.

Tmien xhur ilu, Christa kienet ħadet sehem f’Miss Universe Malta, fejn f’filmat ta’ żewġ minuti tkellmet dwar il-passjoni tagħha taż-żfin u anke d-doqq il-pjanu. Madanakollu, f’messaġġ personali minnha qalet li kieku kellha tirbaħ il-kompetizzjoni kienet tgħin lil tfajliet oħra li ma tantx ikunu jemmnu fihom infushom.

Tmut il-mudella ta’ 23 sena li kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Burmarrad