Internazzjonali

Salvati mijiet ta’ immigranti

Vapuri minn gruppi umanitarji kif ukoll dawk tal-Gwardja tal-Kosta Libjana salvaw mijiet ta’ immigranti li kienu qed jippruvaw jaqsmu mil-Libja lejn l-Ewropa. Dan hekk kif il-baħar ikkalma u għalhekk kien aktar faċli biex isir vjaġġ.
Il-Gwardja tal-Kosta Libjana interċettat tliet biċċiet tal-baħar mimlija immigranti, fosthom dinghy li żviluppa ħsarat barra Zawiya b’125 persuna abbord. Din ingħatat għajnuna mill-vapur Aquarius. Kien hemm imbagħad lanċa li kienet interċettata barra Garabulli u abbord kien hemm 112-il persuna filwaqt li 98 persuna kienu interċettati abbord lanċa barra Abu Kamash.
Kien hemm żewġ gruppi ta’ immigranti oħra li kienu trasferiti lejn l-Aquarius, fosthom 62 persuna li nġabru minn bastiment tal-merkanzija u 106 oħra li nġabru minn vapur ieħor ta’ grupp umanitarju.
Tul dawn l-aħħar erba’ snin kienu aktar minn 600,000 l-immigranti li qasmu l-Mediterran lejn l-Italja u b’eluf ikunu dawk li mietu waqt dan il-vjaġġ.
Mis-sajf li għadda l-vjaġġi naqsu drastikament wara li dawk li kienu jorganizzaw il-vjaġġ fil-belt ta’ Sabratha laħqu ftehim mal-Gvern bażat fi Tripli u kienu wkoll mira ta’ offensiva minn grupp armat avversarju.
Il-Gwardja tal-Kosta Libjana wkoll żiedet l-isforzi tagħha wara għajnuna li bdiet tingħata mill-Italja.