Futbol Sport

SERIE A: Juventus jaqbżu lil Napoli fil-quċċata

Il-Ħadd tkompla l-kampjonat Taljan wara li ġimgħa ilu kien ġie pospost minħabba l-mewt tal-captain ta’ Fiorentina Davide Astori.

Ta’ min jinnota li minbarra li qabel kull logħba ġiet osservata minuta ta’ silenzju b’rispett ta’ Astori, fuq kull flokk li lagħbu bih il-plejers kien hemm il-kitba “Ciao Davide”.

Juventus issa huma l-liders il-ġodda anke minkejja li b’logħba inqas wara li rebħu kontra Udinese filwaqt li Napoli, għal darba oħra waqqgħu l-punti bi draw kontra Inter. Il-Bianconeri issa qegħdin punt fuq Napoli u nhar l-Erbgħa li ġej għad iridu jilagħbu kontra Atalanta.

F’Turin Juventus kisbu rebħa faċli ta’ 2-0 kontra Udinese. Huma marru minn fuq wara 20 minuta permezz ta’ free kick mill-isbaħ ta’ DYBALA.

Juventus komplew jagħfsu u ngħataw penalty meta Dybala twaqqa’ minn Angella imma mill-11-il metru Higuain kellu t-tentattiv tiegħu salvat minn Albano Bizzarri.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Juventus skurjaw ieħor hekk kif Higuain għadda ballun lejn DYBALA li skurja b’xutt angulat.

Ftit siegħat wara Napoli, wara t-telfa ta’ ġimgħa ilu kontra Roma, spiċċaw 0-0 kontra Inter, jiġifieri l-istess skor li bih kienet intemmet il-logħba tal-ewwel rawnd bejn dawn it-tnejn fis-San Paolo.

Fl-ewwel taqsima Napoli ddominaw u l-uniku tentattiv ta’ Inter kien dak ta’ Candreva li fit-37 minuta kellu xutt li mar ftit barra.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Inter laqtu l-lasta b’daqqa ta’ ras ta’ Skriniar u tliet minuti wara waslet ir-reazzjoni ta’ Napoli b’xutt ta’ Insigne li mar ftit barra.

Minkejja l-isforzi ta’ Napoli lejn it-tmiem l-iskor baqa’ 0-0 sat-tmiem.

B’hekk, issa wieħed jista’ jgħid li d-destin hu f’idejn Juventus u jekk jiddefendu l-vantaġġ li għandhom fuq in-Naplitani jkunu huma li jerġgħu jirbħu l-kampjonat.