Wara d-domanda u s-suċċess miksub is-sena l-oħra, Heritage Malta u Din l-Art Ħelwa, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba se jerġgħu jiftħu ż-żewġ siti storiċi tagħhom għall-pubbliku nhar il-Ħadd li ġej, 18 ta’ Marzu.
Heritage Malta se tiftaħ il-Katakombi Tal-Mintna filwaqt li Din l-Art Ħelwa se tiftaħ il-kappella tal-Annunzjata f’Ħal Millieri.
Il-Katakombi Tal-Mintna, taħt ir-responsabbiltá ta’ Heritage Malta,huma grupp ta’ tliet katakombi żgħar li kienu jintużaw madwar ir-raba’ u s-sitt seklu WK. Is-sit kien dokumentat għall-ewwel darba fl-1860 minn Dr Antonio Annetto Caruana, li ntwera dan is-sit mill-Kaptan Walter Strickland. Caruana kiteb li dawn il-katakombi huma aċċessibbli minn bokka ta’ bir f’waħda mid-djar fil-viċinanzi. Dan kien ifisser li l-katakombi, oriġinarjament indipendenti minn xulxin, kienu jinfdu permezz ta’ passaġġi u kanali tal-ilma. B’hekk dan kien ħoloq ħsara estensiva kemm lill-aspett arkeoloġiku kif ukoll dak fiżiku tas-sit.
Il-Katakombi Tal-Mintna se jinfetħu l-Ħadd li ġej bejn id-9.00am u nofsinhar (12.00pm) u se jsiru żjajjar bi gwida kull għoxrin minuta. Minħabba spazju limitat fil-katakombi kif ukoll biex il-viżitaturi jesperjenzaw u jesploraw bl-aħjar mod dawn il-katakombi, iż-żjajjar se jkunu miftuħin għal gruppi ta’ 10 persuni. Id-dħul fil-katakombi se jkun b’xejn.
Dan filwaqt li din l-Art Ħelwa se tiftaħ ukoll il-kappella f’Ħal Millieri ddedikata lill-Annunzjata, Dak in-nhar il-kappella tkun miftuħa għall-pubbliku mid-9.00am sas-6.00pm Il-quddiesa tibda fl-10.00am u tintemm bit-tberik taċ-ċimiterju. Din l-Art Ħelwa, li ilha tieħu ħsieb din il-kappella sa mill-1966, qed torganizza żewġ żjajjar bi gwida, immexxija mill-kuratur tal-kappella s-Sur Anthony Mangion, fil-11.15am wara l-quddiesa, u fl-4.00pm.
Din il-kappella hija monument tal-perjodu medjevali f’Malta. Il-binja eżistenti tmur lura għal madwar l-1450, iżda minn skavar arkeoloġiku sar magħruf li l-kappella inbniet fuq sit li qabel fuqu kien hemm kappella possibbilment tas-seklu tlettax u iktar qabel is-sit kien jikkonsisti minn kumpless rurali Ruman. Id-dħul ikun b’xejn.
//= $special ?>