Wara snin twal ta’ studju, 156 avukat u 5 prokuraturi legali llum ingħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jibdew jipprattikaw fil-professjonijiet legali. Għal din iċ-ċerimonja kien preżenti l-ogħla karigi tal-isfera legali – fosthom il-Prim Imħallef, il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tal-Kamra tal-Avukati, l-Avukat Ġenerali u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Fiċ-ċerimonja, il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler feraħ lill-avukati u prokuraturi legali li għadhom kisbu l-warrant, filwaqt li enfasizza li issa huma daħlu fil-familja tal-avukati u għalhekk iridu jġorru r-responsabilitajiet kollha li ġġib magħha l-professjoni.
Kien hawnhekk li għamel referenza għad-dikjarazzjoni tal-Kamra tal-Avukati, fejn stqarr li l-professjoni ta’ avukat trid iġġor mhux biss ir-responsabilitajiet lejn il-klijenti, iżda anke lejn il-Qrati u s-soċjeta’ inġenerali. Dwar dan il-każ partikolari, George Hyzler stqarr li l-Kamra tal-avukati trid tissalvagwardja r-reputazzjoni tal-avukatura u anke tas-soċjeta’.
Nieqsa minn din iċ-ċerimonja kien hemm iż-żewġ studenti Yanica Barbara u Thomas Sant, li ggradwaw mill-kors tal-liġi u ma ngħatawx il-kwalifikazzjoni għal warrant ta’ avukat minħabba każ ta’ frodi ta’ snin ilu.
Tkellem ukoll il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, fejn filwaqt li awgura lill-avukati tas-suċċess tagħhom, fakkarhom li l-istudji tagħhom ma jispiċċawx hawnhekk – anzi issa d-doveri lejn il-Qorti u l-etika jiżdiedu. Iddikjara li issa jridu jkunu huma li jkunu jħarsu l-interess tas-soċjeta’ u jsalvaw is-saltna tad-dritt.
Intant kemm l-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici saħqu li minkejja li ħafna mill-gradwati mhux se jkunu qegħdin jersqu lejn il-Qorti, xorta waħda jridu jibqgħu aġġoranti bl-iżviluppi fil-liġi u l-ġurisprudenza. Il-Ministru Bonnici semma’ li ‘l quddiem hemm pjanijiet li jinfetaħ il-Qorti tal-Kummerċ.
Wara l-messaġġ tal-kelliema, l-avukati u l-prokuraturi legali, il-professjonisti legali ġodda ngħataw il-warrant tagħhom u issa jonqoshom biss l-aħħar pass – dak li jieħdu l-ġurament tagħhom fil-Qorti.
//= $special ?>