Iż-żagħżugħ Bulgaru Denis Davkov ġie rilaxxat mill-Pulizija wara parir legali li ingħataw l-investigaturi. Dan fid-dawl tal-fatt illi ma hemmx biżejjed provi li jindikaw xi forma ta’ attentat ta’ qtil jew vjolenza fuq Zack Meli – iż-żagħżugħ li kmieni l-Ħadd filgħodu tilef ħajtu f’Paceville.
Għalhekk kif irrappurtajna esklussivament fit tas-sigħat ilu, Davkov (għallinqas għalissa) mhux se jkun qed jitressaq il-Qorti.
Din l-iżvolta seħħet wara r-riżultat tal-awtopsja li kienet konkluża dalgħodu.
Fil-fatt, l-awtopsja fuq il-kadavru ta’ Zack Meli sabet li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza fuqu.
Fis-sigħat li ġejjin se jsiru aktar testijiet speċjalizzati, inkluż dawk tossikoloġiċi, biex tkun magħrufa eżatt il-kawża tal-mewt tiegħu.
Għalissa l-kadavru ta’ Meli ma jistax jiġi rilaxxat għad-difna. Minn naħa l-oħra, il-Pulizija għadha qed tinvestiga filmati minn cameras CCTV li hemm fiz-zona.
Intant, uffiċjali fid-Depot tal-Pulizija qalulna li għalissa kull sensazzjonaliżmu jew kummenti minn naħa tan-nies fuq il-media soċjali jistgħu jagħmlu aktar ħsara milli ġid. “L-istorja taf tkun differenti minn kif intqalet”, qalulna s-sorsi tagħna.
Denis Davkov għalaq parzjalment il-profil tiegħu fuq Facebook wara dulluvju ta’ kummenti dispreġjattivi li rċieva fl-aħħar 24 siegħa.
//= $special ?>