Futbol Sport

Futbol Grieg: Referee mhedded jibdel fehemtu wara sagħtejn

F’partita mill-kampjonat Grieg bejn ir-rivali PAOK Salonika u AEK Athens kien hemm tensjoni kbira hekk kif il-President ta’ PAOK Ivan Savvides, li kellu pistola fuqu, daħal fil-grawnd biex jikkonfronta lir-referee wara li dan tal-aħħar kien għadu kemm ħassar gowl minuta mit-tmiem.

Meta l-iskor kien għadu dak ta’ 0-0 PAOK skurjaw permezz ta’ Fernando Varela imma dan tħassar għal offside u kien hawn fejn Savvidis ħareġ jipprotesta mar-referee Giorgos Kominis.

Allegatament Savvidis beda jhedded lir-referee u jgħidlu li dik kienet l-aħħar logħba li se jikkontrolla fil-karriera tiegħu.

Wara l-inċident, plejers ta’ AEK marru fid-dressing rooms għax bdew jibżgħu filwaqt li Savvidis beda jħeġġeġ lill-plejers tat-tim tiegħu biex iħallu l-grawnd bħala sinjal ta’ protesta.

Madankollu l-captain tat-tim irrifjuta u b’hekk il-plejers baqgħu jistennew fil-grawnd.

Eventwalment il-partita ġiet abbandunata u inkredibbli hu l-fatt wara li, sagħtejn wara, r-referee Kominis bidel id-deċiżjoni u l-gowl ingħata biex b’hekk PAOK rebħu 1-0.

Issa Kominis irid jgħaddi r-rapport tal-partita lill-Federazzjoni tal-Futbol fil-Greċja u minn hemm ‘il quddiem jittieħdu l-passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ min kien involut f’dan kollu.