Matul inizjattiva reċenti, ir-rappreżentant tal-Bank of Valletta Silvio Cassar iddiskuta l-għażliet ta’ servizzi bankarji mal-istudenti li jattendu l-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi.
“Meta wieħed jgħaddi għall-edukazzjoni post-sekondarja dan ikun stadju importanti u sinifikanti f’ħajtu. Dan iġib miegħu numru ta’ stadji importanti oħra, li lkoll iduru madwar il-kisba ta’ aktar indipendenza,” qal Silvio Cassar. Aktar indipendenza b’mod awtomatiku tfisser responsabbiltà akbar, u spiss huwa f’dan il-punt fil-ħajja li wieħed fil-fatt jibda juża s-servizzi bankarji b’mod personali. “Dan huwa ż-żmien meta wieħed jiftaħ l-ewwel kont tiegħu, spiss biex sempliċiment jiġi ddepożitat fih l-istipendju. Madankollu, wieħed ma jistax jissottovaluta l-importanza tal-ibbaġitjar u l-immaniġġjar tal-flus f’dan l-istadju bikri,” spjega s-Sur Cassar.
Fid-dinja tal-lum, fejn is-servizzi bankarji saru aktar dinamiċi u kumplessi, il-Bank of Valletta jqisha bħala parti integrali mir-responsabbiltà korporattiva tiegħu li jinvesti fl-edukazzjoni finanzjarja tas-suq tiegħu. Jitwettqu diversi inizjattivi matul is-sena, li jvarjaw minn diskussjonijiet dwar suġġetti bankarji ġeneriċi għal suġġetti aktar speċifiċi relatati mad-dinja tal-investimenti u l-ippjanar finanzjarju.
L-innovazzjoni, xprunata mill-avvanzi fit-teknoloġija, żiedet l-aċċessibbiltà tas-servizzi bankarji. Matul is-snin li għaddew ġew introdotti fis-suq lokali ħafna mezzi self-service ta’ servizzi bankarji, bħall-mobile banking u l-internet banking, u aktar reċenti l-contactless cards. “Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija intrinsikament sinkronizzata ma’ dawn l-innovazzjonijiet. Madankollu, aħna nkunu qed nistennew okkażjonijiet bħal dawn li jagħtuna l-opportunità li nenfasizzaw il-prattiki tajba li wieħed għandu jadotta. Aħna nenfasizzaw ukoll is-servizzi li joffri l-Bank li jagħtu aktar serħan il-moħħ u flessibbiltà lill-individwu bħall-BOV 3D Secure meta wieħed ikun qed jixtri online,” ikkonkluda Silvio Cassar.
Il-Bank of Valletta joffri pakketti personalizzati għall-istudenti inkluż il-BOV Club għal dawk fl-edukazzjoni post-sekondarja u l-BOV Graduates Package għal dawk li jkunu waslu biex jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fil-karriera. Aktar informazzjoni dwar dawn il-pakketti tista’ tinkiseb mill-BOV Customer Service Centre permezz tat-telefon fuq 2131 2020 jew permezz tal-posta elettronika fuq customercare@bov.com. Alternattivament, wieħed jista’ jirreferi wkoll għall-paġna ta’ Facebook tal-BOV Club.
//= $special ?>