Internazzjonali

Irriżenja l-Ministru tal-Intern Slovakk

Robert Kalinak

Tħabbret ir-riżenja ta’ Robert Kalinak, il-Ministru tal-Intern tas-Slovakkja. Dan b’reazzjoni għall-qtil ta’ ġimgħatejn ilu tal-ġurnalist investigativ Jan Kuciak.

F’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ħabbar ir-riżenja, Kalinak, li hu wkoll deputat Prim Ministru, qal li ħa dan il-pass biex iżomm l-istabbilta fil-pajjiż.

Kalinak bekk sar it-tieni Ministru li riżenja mill-Kabinett b’reazzjoni għall-qtil ta’ Kuciak.

Fi tmiem il-ġimgħa l-kapitali Slovakka, Bratislava, rat dik li qed titqies bħala l-akbar dimostrazzjoni fl-istorja moderna.
Dan hekk kif in-nies niżlu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-korruzzjoni u jikkundannaw il-qtil ta’ ġimagħtejn ilu tal-ġurnalist Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová, it-tnejn ta’ 27 sena u jitolbu għar-riżenja ta’ Kalinak.

Kuciak kien qed jikteb dwar rabtiet bejn il-Mafja Taljana u nies qrib ħafna tal-Prim Ministru Robert Fico meta nqatel. Kien hemm xi wħud minn dawk li ssemmew fl-artikli ta’ Kuciak li rriżenjaw mill-kariga imma s’issa ma ttieħdu ebda passi kontrihom. Lanqas ma saru xi arresti. Kien hemm seba’ Taljani li kienu arrestati fil-bidu tal-każ imma dawn imbagħad inħelsu minħabba nuqqas ta’ provi.

Il-każ imma qanqal rabja fil-pajjiż minħabba l-korruzzjoni li hemm fl-ogħla livelli ta’ tmexxija tal-pajjiż. Ħafna kienu dawk li ħadu sehem fil-protesti li kellhom posters jitolbu għar-riżenja ta’ Fico.

Fico ilu jmexxi l-pajjiż għal għaxra minn dawn l-aħħar 12-il sena u taħtu l-ekonomija marret ’il quddiem. Imma fil-protesti, in-nies qalu li wara dak li ġara Fico jrid iwarrab u bdew iċekċku ċ-ċwievet – xi ħaġa li kienet tipika fil-protesti kontra t-tmexxija Komunista fl-1989.

Minħabba dawn il-protesti, xi universitajiet ħallew l-istudenti jitilqu qabel u l-istess għamel wieħed mill-ikbar banek tal-pajjiż, is-Slovenska Sporitelna, biex ikunu jistgħu jieħdu sehem.

Kien hemm ukoll periklu li jikkrolla l-Gvern peress li wieħed mit-tliet partiti li hemm fil-koalizzjoni hedded li jekk ma jitlaqx il-Ministru tal-Intern, Robert Kalinak, hu kien se jneħħi l-appoġġ għall-Gvern.
Anki l-President tal-pajjiż Andrej Kiska qal li ma jistax ikun li l-Gvern ikompli għaddej qisu ma ġara xejn u kien hemm bżonn bidla radikali fil-Kabinett inkella elezzjoni ġenerali bikrija.