Lokali Qorti

AĠĠORNATA: L-ebda sinjali ta’ vjolenza fuq Zack Meli

L-investigazzjonijiet jinsabu fi stadju sensittiv ħafna

AĠĠORNATA

L-investigazzjonijiet dwar il-mewt ta’ Zack Meli jidhru li ħadu żvolta ġdida hekk kif is-sorsi tagħna ikkonfermawlna li llum mhu se jitressaq ħadd il-Qorti. Aktar minn hekk, jirriżulta li hemm possibilta’ kbira illi l-Bulgaru li nżamm mill-Pulizija, Denis Davkov, ma jitressaqx il-Qorti.

Din l-iżvolta seħħet wara r-riżultat tal-awtopsja li kienet konkluża dalgħodu.

Fil-fatt, l-awtopsja fuq il-kadavru ta’ Zack Meli, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena mis-Swieqi li miet il-Ħadd filgħodu, sabet li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza fuqu.

Fis-sigħat li ġejjin se jsiru aktar testijiet speċjalizzati, inkluż dawk tossikoloġiċi, biex tkun magħrufa eżatt il-kawża tal-mewt tiegħu.

Għalissa l-kadavru ta’ Meli ma jistax jiġi rilaxxat għad-difna. Minn naħa l-oħra, il-Pulizija għadha qed tinvestiga filmati minn cameras CCTV li hemm fiz-zona.

Denis Davkov għalaq il-profil tiegħu fuq Facebook wara dulluvju ta’ kummenti dispreġjattivi li rċieva fl-aħħar 24 siegħa.

AKTAR KMIENI

“Zach Meli nqatel minn żewġ barranin li ħassew li kellhom iduruh u jsawwtuh ‘għall-gost’”

Hekk qalet il-kuġina ta’ Zach Meli, li dalgħodu nqatel f’Paceville, f’ittra miftuħa indirizzata lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Zach miet kawża ta’ emorarġija f’moħħu wara daqqa ta’ ponn li qala’.

“Il-kuġin tiegħi nqatel minn xi ħadd li ma kienx jaf. Żewġ barranin, li ħassew li kellhom isawwtu lil xi ħadd għall-gost. Daruh u qatluh b’daqqa waħda f’rasu”, intqal fl-ittra.

Waqt li ntqal kif xi xhur ilu kellha kuġin ieħor li spiċċa msawwat u misruq minn xi barranin waqt li kien qed jistenna biex jaqbad taxi, il-kuġina ta’ Zach Meli qalet li Paceville m’għadux il-post sigur li kien qabel.

Il-kumment b’tant emozzjoni kien indirizzat lill-Prim Ministru, fejn il-kuġina ta’ Zach insistiet li l-affarijiet m’għandhomx jibqgħu sejrin hekk – waqt li sar appell biex jieħu azzjoni immedjata għas-sigurtà.

“Dawn uliedna li qed jiġu msawta, misruqa u stuprati għal xejn”, żiedet tgħid, waqt li temmet jappella għal iktar sigurtà.