Knisja Kultura Mużika

Kunċert fin-Naxxar għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu fis-7.30pm il-Kor Jubilate Deo ser ikun qed itella’ l-kunċert annwali tiegħu ta’ żmien il-Passjoni fil-Knisja Arċipretali tan-Naxxar.

Matul l-ewwel parti tas-serata, ibbażat fuq kunċett oriġinali tad-Direttur Mużikali Christopher Muscat, il-Cappella Gregoriana fi ħdan l-istess kor ser tkun qed twaħħad il-kant gregorjan tal-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa flimkien ma’ kompożizzjonijiet oriġinali għall-perkussjoni, miktubin u esegwiti minn Renzo Spiteri.

Fit-tieni parti tal-kunċert il-kor ser ikun qed jesegwixxi ix-xogħol monumentali ta’ Franz Liszt Via Crucis: xogħol li jagħti interpretazzjoni mużikali drammatika ħafna tal-erbatax-il stazzjon tas-Salib. Mal-kor jingħaqdu il-mezzo-soprano Claire Massa, il-baritonu Louis Andrew Cassar u l-organista Ronald Camilleri li ser ikun qed idoqq l-orgni storiku Santucci tal-1775 li jinsab fil-parroċċa tan-Naxxar.

Matul l-istorja tiegħu ta’ 43 sena il-Kor Jubilate Deo stabblixx ruħu bħala wieħed mil-aqwa korijiet Maltin fil-qasam tal-mużika sagra. Fost l-akbar suċċessi tal-kor wieħed ifakkar l-ewwel eżekuzzjoni f’Malta tal-Oratorio di Natale ta’ Camille Saint-Saens fl-2005, l-ewwel esekuzzjoni fi żminijiet moderni tal-Messa di Requiem ta’ Paolino Vassallo kif ukoll l-opra Il-Wegħda ta’ Charles Camilleri fl-2006. Fl-2013 il-Kor Jubilate Deo ipparteċipa fil-festival internazzjonli tal-korjiet Musica Sacra a Roma fejn ġie ppremjat b’Silver Medal Diploma fiż-żewġ kategoriji li pparteċipa fihom.

Fi Frar li għadda l-kor ta l-ewwel eżekuzzjoni ta’ żewġ xogħolijiet ġodda: il-Cantata L-X ta’ Frar 1928 ta’ Christoper Muscat u l-Oratorio Fino ai Confidni della Terra tal-kompożitur ta’ fama mondjali Mons. Marco Frisina li ġie Malta sabiex jidderieħi hu stess dawn iż-żewġ xogħolijiet.

Għalkemm id-dħul huwa b’xejn, wieħed għandu jirriserva l-biljetti tiegħu billi jibgħat imejl fuq info@jubilatedeo.com