Internazzjonali

L-attakk fuq l-eks-spjun Russu fir-Renju Unit: ‘Probabbiltà kbira’ li Moska hi responsabbli

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet, ftit tal-minuti ilu, li l-eks-spjun Russu u bintu li jiem ilu spiċċaw vittmi ta’ attakk f’Salisbury kienu spiċċaw ivvelenati b’kimika (nerve-agent) ta’ grad militari u ta’ tip żviluppat fir-Russja.

Skont May, il-Gvern f’Londra kkonkluda li ‘hemm probabbiltà kbira’ li r-Russja kienet responsabbli għall-attakk fuq Sergei Skripal, l-eks-uffiċjal tas-serviżzi sigrieti tal-militar Russu u bintu ta’ 33 sena li għadhom l-isptar f’sitwazzjoni kritika ‘iżda stabbli’.

L-ambaxxatur Russu fir-Renju Unit kien mistoqsi biex jispjega jekk l-eks-spjun spiċċax ivvelenat ‘waqt azzjoni diretta speċifika’ minn Moska inkella jekk ir-Russja ‘hix titlef il-kontroll fuq materjal militari bħall-kimika li tattakka lin-nervaturi tal-ġisem’.

Min-naħa tagħha, Theresa May qalet li r-Renju Unit jeħtieġ ikun lest ‘biex jieħu miżuri aktar estensivi fiċ-ċirkustanzi’.

Hi kompliet li l-kimika li ntużat għall-attakk fuq Skripal u bintu kienet identifikata bħala ‘parti minn grupp ta’ nerve agents magħruf bħala ‘Novichok”.

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, issa qal lill-ambaxxatur Russu li Moska teħtieġ tiżvela ‘bis-sħiħ’ id-dettalji tal-programm ta’ Novichok lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi sa nofs il-lejl ta’ għada.

Ir-Renju Unit, imbagħad, jikkunsidra r-reazzjoni ta’ Moska qabel jiddeċiedi dwar azzjoni. May sostniet li ‘dment li  r-Russja ma tagħtix spjegazzjoni kredibbli, il-Gvern tagħha għandu jikkonkludi li l-azzjoni fil-konfront tal-eks-spjun u bintu għandha titqies bħala użu illegali ta’ forza mill-Istat Russu kontra r-Renju Unit’.