Lokali

#StopStigma: Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jingħaqad f’din il-kampanja

Matul l-2017, iktar minn 8,100 persuna ġew megħjuna mis-servizz kellimni.com – servizz professjonali u kunfidenzjali disponibbli 24 siegħa kuljum onlajn.

Bejn Frar tas-sena l-oħra u Frar ta’ din s-sena, kien hemm żieda għal 725 persuna mgħejuna, bil-problemi tas-saħħa mentali jkunu l-iktar każi li għalihom in-nies fittxew l-għajnuna.

Claudia Taylor East, Kap Eżekuttiv ta’ SOS Malta, saħansitra spjegat li qed jintalbu jassistu tfal żgħar tant li f’uħud mill-każi kellhom biss 10 snin.

Hu fid-dawl ta’ dawn l-istatistiċi inkwetanti, li jixhdu problemi kbar fis-soċjetà li ħafna drabi jibqgħu moħbija, li proġett tal-istudenti tad-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fi ħdan l-Università ta’ Malta ġie promoss fuq livell nazzjonali.

Dan hekk kif ingħatat bidu għall-kampanja #StopStigma li għandha l-għan li teduka lill-poplu li l-problemi ta’ saħħa mentali hi biss kundizzjoni li taffettwa lil organu tal-ġisem, il-moħħ, bħalma kull organu ieħor tal-bniedem jista’ jimrad.

Dwar dan tkellimna ma’ Alexei Sammut, wieħed mill-professuri fi ħdan dan id-Dipartiment.

Il-proġett se jibda fil-Belt Valletta, ironikament wieħed mill-iktar postijiet li fihom attività f’pajjiżna, iżda dan il-moviment kollu ta’ nies faċilment jaħbi problemi ta’ solitudni.

Il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali, John Cachia, iddikjara li din hi kampanja li trid tolqot l-għeruq tal-problema, għaliex jekk le ddikjara li nkunu qed nonqsu lis-soċjetà.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet din il-kampanja, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, li hu tabib tal-familja, qal li s-soċjetà tagħna għandha problema kbira.

Qal li meta kien jipprattika, mal-35% tal-każi li kien jara, kienu jkunu pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali, liema problemi għadhom kunsidrata bħala taboo f’pajjiżna.

L-iskop hu li mill-Belt Valletta, din l-inizjattiva tiftaħ it-triq biex Kunsilli Lokali oħra wkoll jissieħbu f’din il-kampanja.