Internazzjonali

18 investigati fl-Italja – evadew €12-il miljun f’taxxi billi nqdew b’isem Malta

Il-Pulizija qed tinvestiga tmintax-il persuna li bejn l-2014 u l-2015 evadew mat-€12-il miljun f’taxxi billi nqdew b’isem pajjiżna biex ma jħallsux taxxi.

Jirriżulta li żewġ kosorzji kienu qed jimpurtaw żejt lubrifikanti lejn l-Italja iżda jiddikjaraw li d-destinazzjoni propja kienet xi pajjiż ieħor fl-Ewropa, fosthom Malta imma wkoll il-Greċja u Ċipru.

Madankollu dan iż-żejt qatt ma kien jasal f’Malta, għaliex fl-Italja kienu jinħarġu dokumenti foloz. B’hekk l-awtoritajiet Taljani kien mingħalihom li dan iż-żejt wasal f’pajjiż ieħor, biex minflok kien qed jitwassal għand kumpanija f’Fontevivo.

L-investigazzjoni tal-Pulizija Taljana, li saret bi sħab mal-uffiċjali tad-dwana Taljani u damet sentejn, kixfet ukoll kif dawk investigati wettqu diversi ħidmiet oħra biex jiffrodaw.

B’kollox instab li dawk investigati iffrodaw b’madwar €7 miljun f’taxxi fuq total ta’ 5.4 miljun litru ta’ prodotti tal-enerġija. Dan minbarra madwar €5 miljun oħra f’sisa apparti li fallew wieħed miż-żewġ konsorzji involuti bl-iskop li ma jħallsux pagamenti li kien hemm dovuti.

Ħamsa minn dawk investigati qed jinżammu arrestati f’darom, waqt li tlettax oħra huma akkużati b’reati minuri u allura inħelsu fuq numru ta’ kundizzjonijiet. Sar ukoll sekwestru li jlaħħaq il-valur ta’ €3.5 miljun.