Irridu naraw li l-pajjiż joffri ekonomija li tħares lejn il-futur u li tiġġedded maż-żmien. U dan jista’ jsir b’ħidma bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Il-Partit Nazzjonalista se jara li dan isir ħalli ż-żgħażagħ tal-lum ikollhom il-futur li jixraqilhom.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta żar il-Careers and Research Expo, li għal darb’oħra qed tittella’ fuq il-Kampus mill-Kunsill Studenti Universitarji. F’din l-attività, l-Istudenti jkunu jistgħu jieħdu idea ta’ x’toffri għalihom id-dinja tax-xogħol ladarba jtemmu l-istudji tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella liż-żgħażagħ biex jirrikonoxxu l-abbiltajiet tagħhom u jagħrfu jisfruttawhom. Hu meta l-ekonomija tal-pajjiż tirrifletti dak offrut mill-ekonomiji internazzjonali li naraw li ħadd ma jibqa’ lura, sostna Adrian Delia.
Min-naħa tagħhom, iż-żgħażagħ tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar l-isfidi li jistgħu jsibu quddiemhom ladarba jlestu l-istudji tagħhom. Dan hekk kif innutaw li, sfortunatament, fl-aħħar snin pajjiżna ma ra l-ebda investiment barrani f’xi qasam ġdid tal-ekonomija.
Studenti mid-Dipartiment tal-Inġinerija urew lil Adrian Delia karozza mibnija minnhom (ritratt) u li se jkunu qed jikkompetu biha f’wirjiet tal-Inġinerija barra minn xtutna. Din mhix se tkun l-ewwel darba li jipparteċipaw f’wirjiet bħal dawn, fejn kull darba tinħoloq karozza ġdida żviluppata teknikament aħjar minn tas-sena ta’ qabel.
Fi tmiem iż-żjara, Adrian Delia ltaqa’ wkoll mal-Istudenti Universitarji fil-Canteen, fejn seta’ jitkellem magħhom b’mod informali waqt il-ħin ta’ mistrieħ bejn lecture u oħra.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali u Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali u Edukatur Justin Schembri, kif ukoll mill-Uffiċjali tal-Kunsill Studenti Universitarji Robert Napier u Carla Galea.
//= $special ?>