Internazzjonali

Attakkat il-konvoj tal-Prim Ministru Palestinjan f’Gaza

Il-Prim Ministru Palestinjan, Rami Hamdallah, kien qed jivvjaġġa f’konvoj li sigħat ilu spiċċa mira ta’ splużjoni fil-Belt ta’ Gaza. Hamdallah ma ġralu xejn iżda r-rapporti rreferew għal ‘numru ta’ midruba’. Il-President tal-Palestinjani, Mahmoud Abbas, ikkundanna ‘l-attakk kodard’ u żamm lill-grupp militanti Hamas,li jikkontrolla Gaza, bħala responsabbli.

Ir-rapporti qalu li persuna ‘fuq mutur’ tefa’ tagħmir splussiv lejn l-aħħar vettura fil-konvoj tal-Prim Ministru, ftit wara li l-vetturi kienu daħlu f’Gaza mill-aċċess ta’ Erez ma’ Iżrael. Intant, l-Uffiċċju ta’ Abbas sostna li ‘tal-Hamas, permezz tal-attakk, kienu qed jimmiraw għal Hamdallah u għall-kap tas-servizzi sigrieti, Majed Faraj’, li huma t-tnejn membri ewlenin tal-grupp Fatah immexxi mill-President Palestinjan.

L-inċident seħħ fost it-tensjoni akuta bejn il-gruppi rivali Palestinjani dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehim għal rikonċiljazzjoni li kienet iffirmata s-sena l-oħra.

It-territorji ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent ilhom jitmexxew minn entitajiet separati ta’ Palestinjani mindu d-diżgwid bejn il-Hamas u l-Fatah żbroffa fi vjolenza, fl-2007.

Il-Hamas, fis-sena preċedenti, kien rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari fit-territorji okkupati u, maż-żmien, irrinforza ruħu f’Gaza wara li keċċa lill-Fatah mill-inħawi.