Żewġ plejers magħrufin sew fil-Premiership Ingliż, Michael Carrick u Didier Drogba se jirtiraw mill-futbol fi tmiem l-istaġun.
Il-midfielder ta’ Manchester Utd Carrick, li għandu 36 sena, lagħab 463 darba mar-Red Devils sa minn meta ngħaqad magħhom lura mingħand Tottenham fl-2006.
Dakinhar huma kienu ħallsu s-somma ta’ 18-il miljun lira sterlina. Carrick libes il-flokk tat-tim nazzjonali Ingliż għal 34 darba. Hu kien beda l-karriera ma’ West Ham Utd qabel ma ngħaqad mal-Ispurs fl-2004.
Ma’ Manchester Utd rebaħ diversi unuri fosthom ħames darbiet il-Premiership, darba ċ-Champions League u l-Europa League. Fis-sajf li għadda hu ngħata l-faxxa ta’ captain wara li Rooney ħalla lit-tim biex ingħaqad ma’ Everton. Ta’ min jiftakar li Carrick tilef anke darbtejn il-finali taċ-Champions League, id-darbtejn li huma kontra Barcelona fl-2009 u fl-2011.
L-eksplejer ta’ Chelsea li attwalment qed jilgħab fl-Istati Uniti ma’ Phoenix Rising, Didier Drogba, żvela li se jirtira proprju ftit jiem wara li għadu kemm għalaq 40 sena.
Drogba, plejer tal-Ivory Coast hu wieħed mill-aqwa plejers Afrikani li qatt kien hawn u hu bla dubju l-aktar magħruf għas-snin li għamel jilgħab fil-Premiership ma’ Chelsea.
Mal-Blues hu rebaħ diversi unuri fosthom erba’ darbiet il-kampjonat Ingliż, erba’ darbiet l-FA Cup, tliet darbiet il-League Cup u darba ċ-Champions League.
Hu kien ferm strumentali għal Chelsea meta dawn rebħu ċ-Champions League hekk kif fil-finali fil-Ġermanja stess kontra Bayern Munich kien hu li l-ewwel ġab id-draw biex sforza l-ħin barrani u la darba l-logħba marret għall-għoti tal-penalties kien hu wkoll li skurja l-gowl deċiżiv.
Fil-kummenti li ta Drogba qal li tgħoġbu l-idea li la jirtira jaħdem bħala kowċ fi ħdan il-klabb ta’ Marseille, klabb li miegħu kien jilgħab qabel ma ffirma ma’ Chelsea. Minbarra Chelsea u Marseille Drogba lagħab ma’ diversi klabbs oħra.
Hu beda l-karriera ma’ Le Mans u lagħab anke ma’ Guingamp. Minn hawn għamel il-qabża kbira għal ma’ Marseille. Drogba lagħab anke ma’ Galatasaray, Shanghai Shenhua u Montreal Impact.
Mat-tim nazzjonali lagħab 104 darbiet u skurja 65 gowl.
//= $special ?>